Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol toħodni lura daqsxejn mhux ħażin. Bdejt il-futbol billi kont nieħu ħsieb in-Nursery ta’ Qormi FC, u għamilt ftit snin hemmhekk. L-entużjażmu tiegħi biex nara t-tfal jibbrillaw fil-logħba tal-futbol kienet tagħtini sodisfazzjon. Iżda mbagħad darba minnhom niftakar kienu għajtuli biex nimmonina ruħi għall-President tal-kbar. Minn dejjem xtaqt nibqa’ fin-nursery iżda darba minnhom kien hemm laqgħa ġenerali u n-nies ivvutaw biex inkun jien il-President. Ma kinitx deċiżjoni faċli, kien hemm ftit pressjoni biex Ħal Qormi jerġa’ jkun fil-Premiere. Għalkemm kont nieħu gost nara lit-tfal jitgħallmu, imma mbagħad kelli ngħaddi għal-livell tal-futbol tal-kbar.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala president ta’ St Andrews FC.
L-esperjenza tiegħi bħala president ta’ St Andrews hija esperjenza sabiħa ħafna. Jekk mhux sejjer żball, din hija s-sitt sena tiegħi; iż-żmien jgħaddi. Bdiet b’ċikka meta Alla jaħfirlu Pawlu Falzon kien wera x-xewqa li nsir President u wara ħafna taħditiet, spiċċajt President tal-futbol, flimkien mal-kumitat u iben Pawlu Jason. L-esperjenza hija sabiħa u interessanti. Nieħu pjaċir nara t-tfal jibbrillaw, u n-nursery tagħna hija b’saħħitha ħafna u nippromovuha ħafna t-talenti tagħhom billi ntellgħuhom mal-kbar, u f’dawn l-aħħar snin rajt ħafna plejers żgħar li għamluha kemm magħna u anke ma’ timijiet oħra meta nagħmlu trasferimenti u għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon kbir.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Sfortunatament, l-istaġun li għadda ma kienx wieħed li nistgħu niftaħru bih bħala xi ħaġa ta’ suċċess kbir. Kien staġun li tefa’ ħafna sfidi fuqna u li fi tmiemu ma wassal għall-ebda unuri. Bdejna ħażin ħafna u l-problema kienet tidher li kienet mifruxa fuq diversi livelli. Ma nafx eżatt x’kienet ir-raġuni ewlieni, iżda b’xi mod jew ieħor il-momentum tat-tim ma kienx qed jiġi b’mod pożittiv.
Li nista’ ngħid hu li dik il-bidla fil-kowċ kienet kruċjali. Meta daħal Mauro Delceppo bħala kowċ ġdid, il-mentalità u l-ispirtu tat-tim nbidlu għal kollox. Minn hemm ‘il quddiem irnexxielna nirbħu kważi kollox, ħlief partita waħda. Dan wera ċar li t-tim kellu l-potenzjal, iżda kellu bżonn direzzjoni u strateġija differenti. Madankollu, minkejja r-riżultati aħjar lejn it-tmiem, ma nistgħux ngħidu li kien staġun partikolarment interessanti jew wieħed li ta’ sodisfazzjoni kbira. Għalhekk, illum inħarsu ‘l quddiem u mhux lura.
Kif qed tħarsu lejn dan l-istaġun li għadu kemm jibda?
L-istaġun il-ġdid qed jinbena fuq ħafna xogħol iebes. Ħdimna bla waqfien biex inħejju ruħna kemm jista’ jkun aħjar, kemm fuq livell tattiku kif ukoll fuq livell ta’ taħriġ fiżiku. Inħoss li l-grupp ta’ plejers illum għandu aktar għaqda u determinazzjoni minn qatt qabel.
Ma nistgħux naħsbu li kollox bħal meta wieħed ifaqqa’ subgħajh u kollox jiġi tajjeb. Ċertament li ż-żmien itina parir. Dak li rridu nagħmlu hu li kull ġurnata nkunu aħjar, li kull partita nkunu aktar determinati, u li nagħtu prova ta’ maturità akbar fuq il-grawnd.
L-għan ewlieni hu li nippruvaw inkunu minn ta’ fuq fil-klassifika. Mhuwiex bilfors li nitilgħu jew niksbu promozzjoni immedjatament, iżda rridu nkunu kompetittivi u noħolqu sens ta’ kontinwità. Jalla dan l-istaġun ikun wieħed tajjeb għalina, fejn mhux biss nikkonfermaw il-potenzjal tagħna, iżda wkoll inħallu marka fuq il-kompetizzjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-importanti hu li t-tim jibqa’ jikber flimkien, jitgħallem mill-iżbalji tal-passat, u jmur għal aktar ambizzjonijiet b’passi sodi.
Kemm hu differenti ċ-Challenge League mill-Malta Premier?
Kemm hu differenti l-BOV Challenge League mill Malta Premier kulħadd jaf id-differenzi; għandek il-BOV Premiere li tista’ tagħżel u tuża eks ammont ta’ barranin u ċ-Challenge League tista’ tuża tlieta biss. Jiena ċ-Challenge League jinteressani ħafna aktar għax il-kompetizzjoni bejn it-timijiet hija ħafna aktar kbira, kif tistgħu taraw mit-table stess. Qabel tqassmu l-punti kulħadd kien jagħti logħba lil kulħadd. Qabel il-plejers barranin kienu jkunu ta’ aktar klassi, sfortunatament il-plejers barranin m’għadhomx ikunu ta’ ċertu livell. Kemm ilni President tal-Luxol nista’ ngħid li dejjem batejna bil-barranin, mentri dak iż-żmien li kont Ħal Qormi, għalkemm tim żgħir, dejjem ibbrillajna bil-barranin. Hemm barranin tajbin, iżda ma nħossx li hemm dan it-tip ta’ plejers li qed jagħmlu differenza kbira u bħala livell iċ-Challenge league huwa tajjeb ħafna.
X’tikkummenta dwar il-livell tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Bħala livell ta’ grawnds fejn nitħarrġu, kulħadd jaf li bħala faċilità tajbin ħafna u anke s-set up. Minn dak l-att ma nista’ ngħid xjen għax kulħadd jaffaxxina ruħu. Rigward fejn isir il-logħob – aħna nilagħbu ħafna Victor Tedesco Stadium u s-Centenary Stadium u ma nistax ngħid punti negattivi fuq dawn għax għalkemm il-faċilitajiet dejjem jistgħu jkunu aħjar, iżda l-futbol Malti huwa dak li hu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jiena aktar inħares lejn il-futbol bħala passatemp. Nieħdu sena b’sena; nippjana iżda mhux dejjem jirnexxielek. Ma ngħidx li huwa xogħol kif jgħidu wkoll presidenti oħra bħali. Ma tantx nista’ nitkellem fuq il-futur għax ma nafx x’jista’ jiġri anke s-sena d-dieħla. Nimxi sena b’sena; u jekk niddeċiedi nieqaf dejjem irrid inħalli l-klabb nadif għal dak li jitħajjar jiġi warajja iżda rrid nara l-klabb jikber fil-livell tiegħu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi għal min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, huwa skont jekk hux futbol li tilgħab jew futbol li tamministra. Il-futbol li tamministra kif kulħadd jaf f’Malta sfortuntament ma tantx hemm fejn tista’ taħdem bħal timijiet ta’ barra; aħna dejjem irridu naraw minn fejn se niġbru l-isponsors, toħroġ flus minn butek, jiġifieri minn dak l-att għax vera tkun tħobb il-futbol għax fih kedda. Min-naħa tal-logħob tal-futbol, jekk togħġbok il-logħba, illum aktar minn qabel, hemm ħafna opportunitajiet, kif naraw plejers minn tan-nursery jmorru jilagħbu barra minn xtutna, u hemm aktar ċans li tmur tilgħab barra, illum id-dinja tbiddlet, għalhekk m’għandekx taqta’ qalbek għax illum hemm ħafna aktar kuntatti!

