Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?
Fi żmien il-COVID-19 kont iddeċidejt li nibda nieħu t-taħriġ ftit iktar bis- serjeta`. Għal- ewwel bdejt nitħarreġ waħdi u mbagħad aktar tard qattajt xi żmien niffoka fuq l-OCR. Wara xi żmien, ħabib tiegħi staqsieni nipparteċipa f’tellieqa Hyrox miegħu, u għoġbitni mill-ewwel. Ftit wara, bdejt nitħarreġ ma’ Jungle Box, li jispeċjalizzaw fit-taħriġ tal-Hyrox u għenuni nirrikonoxxi l-potenzjal tiegħi u kontinwament inkuraġġewni biex nimxi aktar ‘il quddiem.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa fosthom fil-ġimgħat li għaddew fi Vjenna?
Iktar ma bdejt niffoka prinċipalment fuq Hyrox, ħadt sehem fil-Malta Jungle Box X Warehouse X Garmin Challenge, fil-kategorija open, fejn spiċċajt fit-tmien post, kif ukoll fit-tellieqa mixed doubles, fejn irnexxielna niksbu t-tieni post. Fl-aħħar tas-sena l-oħra, ħadna sehem mill-ġdid fil-mixed doubles waqt The Club Hyrox attempt u spiċċajna fl- ewwel post.
L-iktar riċenti, kienu fi Frar li għadda, fejn ħadt sehem fil-kategorija open f’Turin u spiċċajt fl-għaxar post fost 410 atleti oħra tal-istess etá. Ftit ġimgħat wara, ikkompetejt f’Katowice, din id-darba fil-kategorija Pro, u rnexxieli nikseb ir-raba’ post minn 57 atleta.
Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?
Il-Hyrox sar popolari ħafna dan l-aħħar madwar id-dinja, u l-istess jista’ jingħad għal Malta. L-isport għandu potenzjal kbir, u dan jidher mir-riżultati tajbin li l-atleti Maltin qed jiksbu meta jikkompetu fuq livell internazzjonali. Fil-fatt, numru ta’ atleti kkwalifikaw għall-Hyrox World Championships, li huwa sinjal ċar tad-dedikazzjoni u x-xogħol iebes li qed jagħmlu f’dan l-isport.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Kif semmejt qabel, jien nitħarreġ ma’ Jungle Box, fejn dejjem jipprovdu taħriġ ta’ livell għoli u adattat għall-bżonnijiet ta’ kulħadd. Jungle Box huma fost l-organizzaturi ewlenin tal-Jungle Box X Warehouse X Garmin Challenge, li ssir darbtejn fis-sena, bl-edizzjoni li jmiss se ssir fi żmien xahar. Barra minn hekk, jorganizzaw regolarment diversi attivitajiet u sfidi biex kulħadd iħossu parti mill-komunità u jaqsmu flimkien il-passjoni tagħhom lejn l-isport u l attivitá fiżika.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?
It-tlielaq riċenti kienu punt ta’ referenza tajba mmens biex nara fejn wasalt u fuq xiex għandi bżonn naħdem. L-iskop ewlieni tiegħi bħalissa huwa li niffoka fuq it-taħriġ tiegħi u niprepara lili nnifsi għat-tlielaq li jmiss fil-ġimgħat li ġejjin. Irnexxieli nikkwalifika fejn se nkun qed ningħaqad ma’ atleti Maltin oħra li se jirrapreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Mondjali f’Chicago fl-Istati Uniti, fit-13 u l-14 ta’ Ġunju li ġej … fit-13 se nkun qed nieħu shem fil-men pro u fl-14 fil-mixed doubles flimkien ma’ Michelle Vella.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.
Il-progress jidher differenti għal kull persuna. L-importanti li tafda fil-proċess, taħdem għaliha u tapprezza l-vjaġġ. B’dedikazzjoni u perseveranza, tkun sorpriż b’kemm tista’ tikseb! L-importanti hu li tiffoka fuq l-għanijiet tiegħek, tibqa’ konsistenti u tagħti l-aħjar tiegħek f’kull pass li tieħu.