Saturday, December 21, 2024

L-IMPORTANZA LI L-PRODOTT LOKALI MA JMUTX

Aqra wkoll

Waħda mill-aktar festi importanti fil-kalendarju kulturali Malti hija l-Imnarja. Din il-festa, li qed niċċelebrawha proprju llum id-29 ta’ Ġunju, għandha wkoll sinjifikat reliġjuż billi nfakkru l-festa ta’ San Pietru u San Pawl. Imma fuq kollox, f’din il-ġurnata nfakkru t-tradizzjonijiet li bħala poplu ilna ngħożżu mijiet ta’ snin.

Bla dubju, il-Buskett mistenni jerġa’ jkun il-post li fih jilqa’ mijiet ta’ familji li jagħżlu li jqattgħu l-ġurnata tagħhom qalb in-natura filwaqt li jgawdu l-attivitajiet li se jkunu qegħdin isiru f’dan il-post. Tant li sa minn kmieni filgħodu se jkun hemm esebizzjonijiet u kompetizzjonijiet varji marbuta mal-annimali.

Din il-festa għalhekk isservi ta’ opportunità oħra biex inkomplu nippromwovu s-settur agrikolu. Nemmnu wkoll li f’din l-akbar festa agrarja f’Malta, se nkunu qed niċċelebraw il-bżulija u l-ħidma siewja tal-bdiewa u r-raħħala tagħna.

Din il-festa sservi wkoll biex jiġi espost il-prodott agrikolu lokali u għaliex għandna nibżgħu għalih u nipproteġuh. Malta hi pajjiż li kważi timporta l-għajxien kollu tagħha u għalhekk huwa importanti li l-prodott lokali jkompli jiġi mfittex mill-Maltin.

Dan għaliex filwaqt li nissalvagwardjaw l-agrikoltura tagħna, il-prodott lokali huwa ġenwin u mhux ipproċessat bħalma huma ħafna prodotti tal-ikel importat.

Nemmnu wkoll li l-festi tradizzjonali m’għandhomx jibqgħu jsiru f’lokal wieħed imma għandhom jinfirxu wkoll f’lokalitajiet oħra għax b’hekk inkunu qed inżommu ħaj it-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin. Diġà hemm sforzi mill-Gvern biex kemm jista’ jkun festi bħal dawn ikunu wkoll xprunati fil-lokalitajiet mill-Kunsilli tagħhom. 

B’dan il-mod inkunu mhux biss qed nibżgħu għat-tradizzjonijiet imma nkunu qed insaħħu l-identità ta’ pajjiżna speċjalment mal-barranin li jiġu jżuruna. 

Filwaqt li nħeġġu l-għażla tal-prodott Malti, mill-banda l-oħra jrid jiġi assigurat li l-prezzijiet ta’ dak li hu Malti jkunu kompetittivi għax jekk le, inkunu qed inħeġġu lill-Maltin biex jagħżlu prodotti importanti li l-prezz tagħghom jkun irħas minn dak lokali.

Ekonomija

Sport