Sunday, November 24, 2024

L-IMPORTANZA LI NĦARSU L-AMBJENT TAL-GŻEJJER MALTIN

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew ħarġu riżultati mill-aktar pożittivi b’rabta mal-andament turistiku f’dawn il-gżejjer għall-ewwel nofs ta’ din is-sena. Riżultati li juru li dawn kienu l-aqwa sitt xhur fl-istorja mhux biss f’termini ta’ wasliet imma wkoll fl-għadd ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna u anke l-infiq tagħhom hawn.

Dawn in-numri ma jiġux mix-xejn iżda warajhom hemm il-ħidma sfiqa ta’ diversi entitajiet u anke tal-fatt li l-industrija qiegħda toffri prodott li kulma jmur qed ikompli jitjieb u jattira aktar turisti ta’ kwalità. Nemmnu wkoll li huma riżultat tal-karatteristiċi sbieħ li joffru Malta u Għawdex u għalhekk huwa importanti li nkomplu nħarsu u nsaħħu dawn il-gżejjer.

Għal ħafna snin l-insularità ta’ Għawdex kienet ostaklu numru wieħed għall-iżvilupp ekonomiku tal-gżira Għawdxija. Madankollu llum bil-mezzi ta’ trasport li jeżistu nkluż il-fast ferry din il-problema ta’ konnettività għalkemm ma sparixxietx imma tnaqqset drastikament.

Dan wassal ukoll biex it-turiżmu kemm barrani u anke lokali jfittxu aktar lill-gżira Għawdxija. Il-protezzjoni t’Għawdex ġiet rikonoxxuta mill-Gvern tant li l-Prim Ministru kkommetta ruħu li se jibqa’ jipproteġi l-pajsaġġ u l-ambjent naturali fil-gżira tat-tliet għoljiet. 

Kemm il-ħarsien ambjentali f’Għawdex qed jittieħed bis-serjetà jidher mill-fatt li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien hemm imniżżel li Ħondoq ir-Rummien għandu jibqa’ bla mittiefes biex jibqa’ jitgawda l-istat naturali tiegħu mill-Għawdxin infushom u mill-Maltin u l-barranin li jżuru dan il-post. 

Nittamaw li s-sentenza li ngħatat fil-każ tal-Ħondoq jittieħed bħala messaġġ ċar illi m’għandux isir żvilupp f’siti sensittivi ekoloġikament. Għaldaqstant l-iżviluppaturi għandhom ikunu responsabbli biżżejjed u ma jissottomettu ebda applikazzjoni għal żvilupp f’siti ambjentali u b’hekk jevitaw il-litigar kemm fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar u saħanistra fil-Qrati. 

Daqstant ieħor is-soċjetà kollha għandha tkun responsabbli hi wkoll u tagħmel il-parti tagħha fiż-żamm ta’ ambjent nadif, san u protett għaż-żmien li ġej biex ikun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri. Inkella nkunu qed nissograw li nitilfu dak li għandna u flok inkunu qed insolvu l-problemi ambjentali, inkunu aħna stess li qed noħolquhom u naggravawhom.

Hawnhekk ukoll tidħol is-sensittività dwar is-separazzjoni tal-iskart. Dan aktar u aktar għandna nkunu konxji tiegħu li mill-iskart nistgħu niksbu ċertu vantaġġi bħalma huma  l-enerġija u anke l-indafa b’mod inġenerali fil-pajjiż.

Sport