Saturday, December 21, 2024

L-importanza li nħarsu lill-annimali tagħna daqs membri tal-familja

- Tikteb is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said

Aqra wkoll

L-annimali huma preżenti f’ħajjitna ta’ kuljum u ħafna minna nħarsu lejhom bħala membri tal-familja tagħna. Irridu nifhmu li bħalna, anke l-annimali għandhom l-emozzjonijiet tagħhom u jħossu kemm il-ferħ kif ukoll in-niket.

Huwa għalhekk importanti li nittrattawhom b’dinjità u rispett, l-istess kif nittrattaw lil kull membru tal-familja tagħna. Meta nitkellmu dwar id-drittijiet tal-annimali, mhux biss qed nindirizzaw il-bżonnijiet fiżiċi tagħhom iżda wkoll l-aspetti emozzjonali tagħhom.

Huwa faċli ninsew li l-annimali jistgħu jweġġgħu emozzjonalment ukoll. Meta jiġu abbandunati jew trattati b’mod ħażin, l-annimali jħossu l-konsegwenzi ta’ dan it-trattament. Kemm-il darba rajna każi ta’ klieb jew qtates abbandunati fit-toroq, maqtugħin għalihom, b’għajnejhom mimlijin bi dwejjaq?

L-abbandun għal annimal jista’ jkun devastanti, tant li jista’ jwassalhom għal ansjetà, dipressjoni, u fiċ-ċerti każi anke għal mard fiżiku. Meta nikkastigawhom jew naħqruhom, inkunu qegħdin nagħmlulhom aktar ħsara milli forsi nindunaw. Dawn l-attitudnijiet għandhom impatt negattiv ħafna fuq il-psikoloġija ta’ dawn il-kreaturi li, bħalma nagħmlu aħna, ifittxu l-imħabba u l-kura.

Annimali domestiċi li jgħixu ħajjithom f’gaġġa

Hija realtà kiefra li għad hawn ħafna annimali domestiċi li jgħixu ħajjithom kollha f’gaġġa, magħluqin mingħajr il-libertà li jgħixu ħajja normali. Hekk jiġri kull meta animal jiġi abbandunat u mpoġġi f’santwarju tal-annimali. F’każijiet bħal dawn, il-gaġġa ssir il-ħabs tagħhom għal għomorhom. Annimal magħluq fi spazju żgħir ma jkunx jista’ jesprimi l-imġieba naturali tiegħu, u dan iwassal għal problemi psikoloġiċi u fiżiċi serji.

Flok nittrattawhom bħal oġġett, jew f’xi drabi bħala rigal mhux mixtieq, irridu niftakru li dawn l-annimali huma ħlejjaq ħajjin li għandhom id-dritt għall-libertà u l-kwalità tal-ħajja. Li nillimitawhom f’gaġġa hija forma ta’ moħqrija li għandha tinqata’ għalkollox. Għalhekk, huwa importanti li naħdmu sabiex innaqqsu l-abbużi u nedukaw ruħna għal meta niġu biex nadottaw xi annimal. Kull min jidħol fir-responsabbilta’ li jadotta annimal, għandu jkollu l-ħin meħtieġ, filwaqt li jipprovdi ambjent ħieles u miftuħ fejn jistgħu jgħixu b’mod dinjituż.

Appell għall-protezzjoni tal-annimali

Bħala soċjetà, għandna dmir li ngħinu lil dawk l-annimali li ma jistgħux jitkellmu għalihom infushom billi nkunu l-vuċi tagħhom. Irridu nindirizzaw din il-problema b’mod serju u nħarsu lill-annimali bħalma nħarsu lill-membri tal-familja tagħna. L-annimali huma dipendenti fuqna, u għandna r-responsabbiltà li niżguraw li jkollhom ħajja mimlija mħabba, għożża, u rispett.

Jekk tafu b’xi każijiet fejn annimali qed jiġu trattati ħażin, jew jekk taraw xi annimal ferut li għandu bżonn l-għajnuna, inħeġġiġkom biex tagħmlu kuntatt mal-Animal Welfare fuq in-numru ġdid tal-emerġenza 15317. Dan is-servizz huwa miftuħ 24 siegħa kuljum, lest biex jipprovdi l-għajnuna meħtieġa. L-annimali jiddependu minna, u flimkien nistgħu nagħmlu differenza għal ħajjithom.

Flimkien, nistgħu nkunu l-vuċi għall-annimali u niżguraw li kull ħlejqa ħajja tingħata r-rispett u l-kura li tixirqilha.

Ekonomija

Sport