Thursday, November 14, 2024

L-importanza li niġbdu ħabel wieħed biex inżommu l-pajjiż nadif

Aqra wkoll

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, għall-ewwel darba f’pajjiżna, il-ġbir tal-iskart domestiku beda jsir mis-sitt reġjuni, ħamsa f’Malta u wieħed f’Għawdex, u skont skeda waħda nazzjonali. L-unika differenza bejn raħal u ieħor huwa l-ħin tal-ġabra iżda l-ġranet tal-boroż huma l-istess f’kull lokalità.

Dan il-fattur ġab miegħu bosta aspetti pożittivi. Nibdew biex ngħidu li l-familji issa jafu li hemm skeda waħda għall-pajjiż kollu, li hi aktar konvenjenti għalihom. Min-naħa l-oħra, hemm l-aspett ambjentali, billi din l-iskeda qiegħda tinkoraġġixxi aktar is-separazzjoni tal-iskart u huwa faċli li wieħed jiftakar liema borża għandu joħroġ fit-tali ġurnata.

Madankollu, irridu nżommu f’rasna li kull riforma jew bidla naturalment iġġib magħha xi sfidi. Dan hekk kif rajna li kien hemm min, għal raġuni jew oħra, ħareġ borża b’oħra fil-bidu ta’ din l-iskeda. Wieħed dan jifhmu sakemm l-iskeda tkun spjegata tajjeb sabiex tindara.

Iżda l-importanti hu li kulħadd jifhem li din l-iskeda qed issir biex tnaqqas l-inkonvenjenti u żżid aktar l-indafa fil-lokalitajiet tagħna. Aktar u aktar jekk pajjiżna jkompli bil-programmi ta’ spazji miftuħa għall-familji. U hawn tidħol l-importanza tal-edukazzjoni ambjentali minn età żgħira.

Li jsiru kampanji regolari dwar it-tindif u nieqfu hemm mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ li l-awtoritajiet ikompli jaraw li r-regolamenti f’dan ir-rigward ikunu osservati minn kulħadd. Għaliex aktar minn nuqqas ta’ għarfien, xi drabi jkun hemm raġuni illi dak li jkun ma jkunx irid jaf b’riformi u bidliet, għax ikun dara b’dak li kien jagħmel fl-imgħoddi.

Jidher li l-iskeda niżlet tajjeb man-nies tant li fl-ewwel ġurnata s-sistema l-ġdida pprovdiet mhux inqas minn 164 tunnellata ta’ skart organiku li nġabar. Wieħed jinnota wkoll li li f’dan kollu, dan l-ammont inġabar b’68 vjaġġ meta qabel kienu jittieħdu 80 vjaġġ biex ikopru l-istess ġabra. Bħala statistika, dan juri 17% aktar fil-ġbir ta’ skart organiku u tnaqqis ta’ 15% fil-vjaġġi.

Nifhmu wkoll li ovjament dan l-aspett se jkollu impatt pożittiv anke fuq it-traffiku, iċ-ċirkolazzjoni tat-trakkijiet fit-toroq u dan bi gwadann għall-ambjent fiżiku u naturali.

L-isforzi min-naħa tal-Gvern biex itejjeb l-ambjent saru. Issa jonqos lin-nies jikkoperaw u jkunu aktar responsabbli dwar liema boroż iridu jinħarġu u meta għandhom jinħarġu. Jekk hawnhekk ukoll bħala poplu niġbdu ħabel wieħed inkunu nistgħu nżommu lil pajjiżna fi stat aktar nadif.

Ekonomija

Sport