Sunday, November 10, 2024

L-IMPORTANZA LI NKOMPLU NAĦSBU F’XULXIN 

Aqra wkoll

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa magħruf għal kemm huwa solidali u ġeneruż ma’ min hu fil-bżonn. Dan jixhduh il-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jsiru minn żmien għal żmien li matulhom jinġabru fondi li jgħinu persuni b’kundizzjonijiet diversi jew anke għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam soċjali. 

Kemm hu ta’ qalb tajba l-poplu Malti wrieha wkoll waqt il-pandemija meta mhux biss segwa l-ordnijiet biex wieħed jaħseb fl-ieħor imma wkoll il-prinċipju tas-solidarjetà, il-poplu wettaqha fil-prattika. Hawnhekk irridu nsemmu wkoll li pajjiżna kien solidali ma’ pajjiżi fejn tul il-panndemija, ta bla ħlas mhux inqas minn 700,000 doża tal-vaċċin lil diversi pajjiżi tal-Commonwealth.

Dan is-sens ta’ altruwiżmu, fejn persuna taħseb f’ħaddieħor, narawh ukoll fost persuni ta’ età żgħira. Dan juri li l-ġenerazzjoni żagħżugħa mhijiex kif ipenġuha ħafna – ma jinteressaha u ma jimpurtaha minn xejn. Anzi bil-maqlub. 

Prova ta’ dan ingħatat il-ġimgħa l-oħra meta studenta ta’ 14-il sena ġiet ippremjata għat-tjubija tagħha talli tgħin studenta oħra li għandha diffikultajiet ta’ komunikazzjoni. L-għajnuna li din l-istudenta tat lill-ħabiba tagħha qed tħalli frott tant li minkejja d-diffikultajiet li għandha qed tipparteċipa aktar fil-lezzjonijiet. Turija li din qed trabbi l-fiduċja fiha nfisha. 

Il-każ ta’ din l-istudenta huwa biss wieħed mill-ħafna każi ta’ żgħażagħ oħra li ssibhom jgħinu lil xi ħadd f’xi qasam partikolari. Premji bħal dak li ngħatat din l-istudenta huwa ta’ min ifaħħarhom għaliex mhux biss jixhed il-ġenerożità ta’ dawn iż-żgħażagħ imma wkoll jinkoraġġihom ikomplu jagħmlu l-istess tul ħajjithom.

L-eżempju li tat din l-istess studenta, li skont hi għażlet li tgħix għal ħaddieħor, huwa eżempju li jmexxina ‘l quddiem u jispirana biex nagħmlu aktar ma’ min jiflaħ inqas minna. Dan jawgura tajjeb biex inkomplu nibnu soċjetà aħjar u inklussiva għal-lum u għall-ġejjieni. 

Sport