F’laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony J. Blinken fil-Berġa ta’ Kastilja, iż-żewġ naħat tkellmu fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, il-Libja u l-koperazzjoni Trans-Atlantika. Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Malti saħaq dwar il-ħtieġa ta’ djalogu u koperazzjoni quddiem kunflitti kurrenti. Innota l-waqfien mill-ġlied fil-Libanu iżda sostna li Malta se tibqa’ tappella għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti f’Gaża fl-isfond anki ta’ sitwazzjoni umanitarja. Qal li pajjiżna jibqa’ favur is-soluzzjoni taż-żewġ stati għal stabbiltà u paċi fir-reġjun.
Dwar l-Ukrajna, mas-Segretarju tal-Istat Blinken, Dr Abela nnota l-attakki riċenti li qed isiru fuq l-infrastruttura fil-pajjiż fosthom fil-qasam tal-enerġija. Qal li għall-Ukrajna hemm bżonn ftehim ta’ paċi li jkun ġust magħha skont il-prinċipji fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
Qabel eżatt Malta tilqa’ l-Kunsill Ministerjali tal-OSCE hekk kif pajjiżna kellu l-Presidenza ta’ din l-akbar organizazzjoni għas-sigurtà u koperazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-importanza tal-istabbiltà fil-Libja u l-appoġġ li dan il-pajjiż ġar ta’ Malta jibqa’ jeħtieġ. Qal li l-komunità internazzjonali trid tibqa’ pro-attiva u tgħin favur proċess rappreżentattiv immexxi mil-Libjani għal-Libjani.
Dwar ir-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi, il-Prim Ministru rrimarka kif ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea dejjem kienu ċ-ċavetta favur stabbiltà u l-paċi, anki quddiem sfidi ġeo-politiċi. Qal li pajjiżna jinnota l-perjodu tranżitorju qabel tibda amministrazzjoni ġdida f’Washington. Irrimarka wkoll dwar ir-relazzjonijiet importanti li Malta għandha mal-Amerka u dawn għandhom fejn ikomplu jissaħħu fl-oqsma tal-kummerċ. Dr Abela semma oqsma importanti bħall-intelliġenza artifiċjali, il-farmaċewtika u l-edukazzjoni fost oħrajn, fejn Malta u l-Amerka jistgħu jkomplu jikkoperaw dwarhom.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħat mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony J. Blinkien kien hemm fost oħrajn is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.