Friday, November 15, 2024

L-IMPORTANZA TAL-ANZJANITÀ ATTIVA

Aqra wkoll

B’persuna minn kull disa’ fid-dinja diġà għandha 60 sena jew aktar, u b’din iċ-ċifra mistennija titla’ għal persuna minn kull ħamsa sas-sena 2050, ix-xjuħija hija fenomenu li ma jistax ikun injorat aktar u Malta mhijiex xi eċċezzjoni. 

Malta hija msejħa tindirizza din l-isfida. F’dan il-proċess però, m’għandniex nħarsu lejn in-numru dejjem jiżdied ta’ persuni akbar fl-età bħala piż fuq l-iskemi attwali ta’ ħarsien soċjali, ir-realtà li l-popolazzjoni Maltija qiegħda tgħix aktar fit-tul hija għajn ta’ ċelebrazzjoni u opportunità biex nifhmu l-importanza tal-anzjanità attiva.

Tassew, aktar ma jkun hemm nies li jibqgħu f’tagħhom u b’saħħithom għal aktar snin, aktar se jkomplu jkollhom rwol importanti fis-soċjetà saħansitra wara l-età statutorja tal-waqfien mix-xogħol. Anzjanità attiva tfisser ukoll opportunità għall-komunità kummerċjali peress li n-numru jiżdied ta’ persuni ta’ età akbar, iġib miegħu firxa akbar ta’ klijenti u swieq innovattivi, kif ukoll bażi usa’ ta’ persuni akbar fl-età disposti li jkollhom impjieg.

Kien għalhekk li l-Gvern dejjem tenna fuq l-importanza tal-anzjanità attiva. Dejjem ħares lejha bħala parti essenzjali mill-politika ewlenija tiegħu. 

Kien għalhekk li kif l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjż f’idejh, ħadem fuq Politika Strateġika Nazzjonali Għal Anzjanità Attiva: Malta 2014-2020 li permezz tagħha mar kontra l-istatus quo billi inqata’ mill-pożizzjoni tradizzjonali li torbot it-tielet parti tal-ħajja ma’ nstabiltà fiżika u mentali, u minflok għażel li jistinka biex ikun hawn ċelebrazzjoni tal-ġenerazzjonijiet akbar bħala riżors imprezzabbli u produttiv li ma jkunx imxekkel minn ideat u metodi skaduti. Kien għalhekk li l-baġits li ppreżenta l-Gvern tul dawn l-aħħar snin kellhom fost il-miri prinċipali tagħhom l-objettiv li jistimulaw l-anzjanità attiva. 

Il-Gvern baqa’ jtenni dan l-impenn tiegħu għall-ħames snin li ġejjin kif sostna fil-100 IDEA, fil-Budget 2022 u kif ukoll kif sostna fil-Manifest Elettorali 2022. Manifest li jisħaq fuq inizjattivi li jinkludu proġett ta’ sheltered housing u li jiġi assigurat servizz tas-saħħa li jkun integrat aktar fil-komunità. Dan huwa essenzjali biex nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar lil kull anzjan Malti u Għawdxi.

Ekonomija

Sport