Monday, August 11, 2025

L-IMPORTANZA TAL-ERA DIĠITALI

Aqra wkoll

L-avvanzi kbar li saru u qed isiru fit-teknoloġija ċertament li se jħallu impatt fuq l-ekonomija tal-futur. Dan qed ikun rifless ukoll bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali li kulma jmur qiegħda tiżviluppa b’mod kważi mingħajr limitu. 

Ilkoll nafu li esperti f’dan il-qasam diġà qed iwissu dwar l-iżviluppi li qed iseħħu f’dan ir-rigward. Madankollu, f’ċertu oqsma, l-Intelliġenza Artifiċjali hija meħtieġa partikolarmant f’oqsma li jolqtu s-saħħa u l-manifattura.

Għalhekk, it-tibdil mgħaġġel li qed isir fid-dinja tax-xogħol se jwassal biex l-AI tkun parti integrali minn din il-bidla. Minkejja kull sfida, nemmnu li l-ħaddiema m’għandhomx jiġu mnaffra minħabba f’dawn l-iżviluppi.

Anzi, għall-kuntrarju għandhom jingħataw l-għodod kollha biex ikampaw fil-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol. Hawn ta’ min jgħid li hemm ħtieġa li l-Università u istituzzjonijiet edukattivi oħra jkomplu jaħdmu id f’id man-negozji fit-taħriġ lill-ħaddiema.

Dan ngħiduh għax nemmnu li l-progress ma jista’ jwaqqfu ħadd. Għalhekk anke aħna bħala Maltin għandna nagħrfu ndawru dawn l-isfidi f’aktar opportunitajiet.

Nemmnu wkoll li s-sehem tal-Gvern huwa kruċjali biex l-investiment li jsir, ikun adattat għal dawn iċ-ċirkostanzi moderni.

Quddiem dan kollu nemmnu li l-edukazzjoni vokazzjonali għandha tixpruna lil aktar ħaddiema biex jiksbu dawn il-ħiliet li jwassluhom mhux biss biex jibnu karriera imma li jipprovdu għall-għajxien tagħhom ta’ kuljum.

Anke l-General Workers’ Union tpoġġi fuq quddiem nett tal-ħidma tagħha din il-bidla li tinsab diġà fostna. Fil-fatt, l-unjin qiegħda tiltaqa’ ma’ diversi sfidi innovattivi li qed jolqtu lill-ħaddiema membri tagħha meta jiġu biex jadattaw għal diversi sistemi ġodda. 

Għaldaqstant, kif qal tajjeb is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, ilwaqt li huwa importanti li jiġu impimentati dawn l-innovazzjonijiet, madankollu rridu naraw li nkunu ta’ għajnuna biex il-ħaddiema jadattaw ruħhom għalihom.

Kif għedna aktar qabel, l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta ta’ kollox u rridu niżguraw li t-taħriġ fil-ħiliet ġodda, speċjalment dawk teknoloġiċi u relatati mal-AI, ikunu l-pedament ta’ Malta ta’ għada. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport