Illum, bħal kull sena, pajjiżna jiċċelebra l-festa tas-Sette Giugno. Din il-ġurnata tfakkarna fl-avvenimenti li seħħew fis-7 ta’ Ġnju 1919, speċifikatament l-irvellijiet mill-poplu Malti kontra l-ħakma Ingliża. Meta wieħed jifhem il-kuntest li seħħew fih dawn l-irvellijiet jagħraf li dawn seħħew f’perjodu tal-istorja li fih pajjiżna kien ikkaratterizzat minn problemi ekonomiċi u soċjali kbar.
Tabilħaqq kien żmien diffiċli u waqt il-protesti li kien saru kienu tilfu ħajjithom erba’ patrijotti Maltin – Wenzu Dyer, Ġżeppi Bajada, Manwel Attard u Karmenu Abela. Dakinhar tal-irvellijiet tas-Sette Giugno, Maltin minn kull qasam tas-soċjetà telgħu l-Belt sabiex jipprotestaw kontra ż-żieda qawwija fil-prezz tal-ħobż li kienet se tkompli tkattar il-faqar u titfa aktar familji fi tbatija u deprevazzjoni. U dan kien fi żmien ta’ instabilità politika u ekonomika f’pajjiżna.
Dak il-jum tal-1919 iżda, minkejja li konna kolonja Ingliża, bħal donnu reġa’ qanqal il-ħeġġa fil-Maltin u ma jibżgħux jissieltu għad-drittijiet tagħhom. Jissieltu għal għajxien aħjar. Dakinhar iżda ma kinitx l-ewwel darba li l-Maltin irvellaw kontra l-ħakma barranija. Hekk kienu għamlu wkoll meta qamu kontra l-Franċiżi ta’ Napuljun lejn l-aħħar tas-Seklu 18.
Sentejn wara l-irvellijiet li seħħew fis-Sette Giugno tal-1919, il-poplu Malti finalment ingħata l-Kostituzzjoni Amery-Milner, li għalkemm kienet limitata ħafna, kienet timmarka wieħed mill-iżviluppi kostituzzjonali u politiċi ewlenin ta’ pajjiżna. Fil-parti l-kbira tiegħu dan l-iżvilupp huwa attribwit għal dak li l-Maltin, b’ħeġġa u b’kuraġġ liema bħalhom, għamlu f’dawn l-irvellijiet. Illum bħala poplu wkoll qegħdin niffaċċjaw ċertu sfidi, iżda quddiem dawn l-isfidi l-poplu Malti qatt ma’ għotor.
L-importanza u s-sinifikat tal-ġrajja tas-7 ta’ Ġnju huma riflessi fil-fatt li dan il-jum huwa wieħed mill-ħames festi nazzjonali li niċċelebraw f’pajjiżna. B’ħames fest nazzjonali, pajjiżna huwa wieħed mill-ftit nazzjonijiet fid-dinja li għandhom aktar minn festa nazzjonali waħda.
Nemmnu iżda illi l-Jum tas-7 ta’ Ġnju, is-Sette Giugno, għandu jibqa’ jiġi ċċelebrat f’għożża u r-rispett. Aktar u aktar għaliex dan il-jum kien l-akbar pass li wassal biex Malta, fl-1921, ikollha l-ewwel gvern biex tmexxi lilha nnifisha anki jekk b’diversi restrizzjonijiet imposti fuqha. Jum is-Sette Giugno, bħalma dakinhar xegħel il-fjamma tal-liberta’ għall-poplu, hekk għandu jibqa’ f’moħħna biex ifakkarna li aħjar bil-ġuħ milli mjassar.