Saturday, December 21, 2024

L-importanza tal-vaċċini tal-Influwenzja, pnewmonja u Covid-19 għal kwalità ta’ ħajja aħjar

- Kummissarju għall-Anzjani, Dott. Alexander Attard

Aqra wkoll

Fil-bidu tal-2020, konna kollha mwerwrin mir-riskju tal-Covid-19 li kien wasal f’pajjiżna. Fuq il-midja kien hemm xeni mill-Italja ta’ fuq ta’ twiebet u kadavri li ma setgħux jiġu midfuna għax l-awtoritajiet ma setgħux ilaħħqu man-numru kbir ta’ mwiet mill-Covid.  Dan kollu qiegħed fil-memorja tagħna, iżda iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar bdejna ninsew dan il-perjodu ikrah. 

Bħalma għamel fil-passat, id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed joffri lill-anzjani l-vaċċin kontra l-influwenza.  Ma’ dan qed iżid vaċċin kontra l-pnewmonja u l-Covid.  Fl-anzjani dawn l-infezzjonijiet jistgħu jkollhom konsekwenzi serji nkluż il-mewt. Jiena nħeġġeġ lil kulħadd biex jieħdu t-tliet vaċċini u se nispjega għalfejn.

Naħseb kważi kulħadd se jippreżenta ruħu għall-vaċċin tal-influwenza u probabbilment għal tal-pnewmonja wkoll.  Iżda, naf fiċ-ċert li hemm ħafna li qegħdin jaħsbuha jekk jieħdux tal-Covid għax kull sena n-numru ta’ nies li jieħdu dan l-vaċċin qiegħed dejjem jonqos. Dan huwa fenomenu li naraw f’kull kampanja ta vaċċinazzjoni mad-dinja kollha. Kemm ninsew! Meta l-vaċċin tal-Covid beda jingħata għall-ewwel darba, kulħadd beda jiffolla biex jeħodha tant kien hawn biża’ mill-virus. Issa wasalna għas-sitwazzjoni inkredibbli fejn ħafna nies qegħdin jibżgħu jktar mill-vaċċin milli mill-Covid innifsu. Insejnihom ix-xeni mill-Italja!

Ir-rata ta’ dħul fl-isptarijiet ta’ nies bil-COVID qiegħed jiżdied kull ġimgħa fl-Ingilterra, fl-Istati Uniti u fl-Awstralja. Diġà qed ikun hemm pressjoni fuq is-sodod f’dawn l-isptarijiet. F’Malta s’issa għadna ma rajnix dan il-fenomenu iżda aħna m’aħniex speċjali u jekk ma noqogħdux attenti, nispiċċaw fl-istess ilma. Irridu niftakru li l-anzjani huma l-iktar vulnerabbli mhux biss għal kumplikazzjonijiet tal-Covid imma anke  għal dawk li jistgħu jinqalgħu mill-Influwenza u mill-pnewmonja. 

Allura, għaliex l-anzjani għandhom jieħdu l-vaċċini kollha li jiġu offruti?  Hemm diversi raġunijiet:

  1. Fl-anzjani hemm iktar riskju ta infezzjoni serja b’riskju akbar ta’ dħul fl-isptar, kumplikazzjonijiet u mewt.  Dan minħabba l-fatt li d-difiża tal-ġisem kontra l-infezzjonijiet tmajna iktar ma wieħed jikber.
  2. Kull sena jitfaċċjaw varjazzjonijiet tal-mikrobu ġodda. Għalkemm il-vaċċini mhux dejjem ikunu effettivi kontra dawn, il-vaċċinazzjoni xorta waħda jgħin biex isaħħaħ l-immunità fl-anzjani u b’hekk inaqqas iċ-ċans ta’ infezzjoni serja anke mill-varjanti ġodda.
  3. Fl-anzjani hemm iktar inċidenza ta mard kroniku bħall-mard tal-qalb, diabete u problemi tan-nifs.   Dawn kienu fatturi mportanti li wasslu għal tant imwiet f’min kellu iktar minn sittin sena fl-għeqqel tal-pandemija. 
  4. Bil-vaċċin qegħdin innaqqsu r-rata tal-infezzjoni fil-komunità u b’hekk innaqqsu wkoll il-bżonn ta’ dħul ġo l-isptar.  B’dan il-mod, qegħdin nagħmlu l-amlu tagħna biex ma jkunx hemm pressjoni fuq is-sodod fl-isptar pubbliku.
  5. Fl-aħħar,  jekk nieħdu l-vaċċin, qegħdin nipproteġu lil dawk ta’ madwarna, familja, maħbubin, ħbieb u l-komunità in ġenerali billi ngħinu biex il-pandemija ma terġax tgħolli rasha.

Għalhekk, inħeġġeġ lill-anzjani kollha biex meta jmorru jieħdu l-vaċċin tal-influwenza kif dejjem għamlu bi ħġarhom fil-passat, jieħdu wkoll dawk kontra l-pnewmonja u kontra l-Covid.

B’kumbinazzjoni waqt li qiegħed nikteb dan l’artiklu, ċemplitli oħti l-kbira ta’ 78 sena u staqsietni jekk għandiex tieħu l-vaċċini kollha. Lanqas laħqet spiċċat is-sentenza għax bla eżitu għidtilha iva! Jien bi ħsiebni neħodhom kollha żgur..

Ekonomija

Sport