Wara sentejn ta’ ċelebrazzjonijiet ridotti kawża tal-pandemija tal-Covid-19, is-smewwiet fl-Imqabba se jerġgħu lura b’ħafna lwien għall-Festa tal-Madonna tal-Ġilju li se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 19 ta’ Ġunju 2022.
Talk.mt tkellem mal-Licensee tal-Għaqda tan-nar tal-Madonna tal-Ġilju, Benny Dingli, fejn spjegalna x-xogħol li l-pirotekniċi Mqabbin ħejjew matul l-aħħar xhur għall-jiem kollha tal-festa, bil-qofol jintlaħaq fi tmiem il-ġimgħa.
Symphony of Stars huwa l-isem tal-ispettaklu piromużikali ta’ lejliet il-festa. Diversi tipi ta’ murtali u effetti pirotekniċi, uħud minnhom sinonimi ma’ din l-għaqda tan-nar, se jiġu sinkronizzati ma’ siltiet diversi ta’ mużika popolari, bi gran finali mill-isbaħ. Spettaklu li żgur se jpaxxi l-għajnejn ta’ dawk kollha preżenti.
Barra minn hekk, il-ħarqa se tinkludi wkoll diversi settijiet ta’ murtali tradizzjonali differenti. Wara ssegwi esebizzjoni ta’ logħob tan-nar tal-art mekkanizzat fil-bypass tal-Imqabba.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa għad unur il-Madonna tal-Ġilju jintlaħqu nhar l-Ħadd 19 ta’ Ġunju bi programm ta’ nar ieħor vast matul il-ġurnata kollha, bl-enfasi tkun il-ħruġ tal-vara tal-Madonna tal-Ġilju għall-ħabta tas-7.15pm.