Friday, December 13, 2024

L-Imsida Skatepark jiġi rrinovat

Aqra wkoll

L-aġenzija Infrastructure Malta b’kollaborazzjoni mal-Malta Skateboard Association wettqet bosta xogħlijiet ta’ rinovar fl-Imsida Skatepark li jinsab fir-Roundabout Tal-Qroqq, biswit l-Università.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġew segwiti x-xogħlijiet li saru fuq dan is-sit.

Il-Ministru Ian Borg saħaq dwar l-importanza li spazji bħal dawn iservu bħala żvog għal dawk dilettanti tal-iskateboarding u r-roti għandhom ikunu mgħammra b’infrastruttura li tixraq u bl-aqwa sigurtà.

“Dan l-ispazju ftit li xejn ra manutenzjoni minn meta nfetaħ fl-2008 u tista’ tgħid li kien mitluq. B’hekk ħassejna l-ħtieġa li nxammru l-kmiem u nwettqu l-ħidma neċessarja sabiex ngħollu l-istandard ta’ dan l-iskatepark. Dan hu gvern soċjali li jara li ħadd ma jitħalla barra u għaldaqstant rajna li dan il-grupp fis-soċjetà tagħna, li għandu għall-qalbu l-isport tal-iskateboarding u anke ir-rota, jkollu spazju sigur u ambjent xieraq fejn wieħed jista’ jwettaq dan id-delizzju. Huwa b’dan il-mod meta ngħidu li l-infrastruttura mhux it-toroq biss u għalhekk nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-aġenzija Infrastructure Malta tal-ħidma diversa li qed twettaq madwar pajjiżna u nħares ‘il quddiem għal proġetti oħra ta’ dan it-tip”, qal il-Ministru Ian Borg.

Ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fuq l-Imsida Skatepark jinkludu l-installazzjoni ta’ rampi u steel rails ġodda, it-tħawwil ta’ siġar, sistema ġdida ta’ dawl, u xogħlijiet artistiċi tal-graffiti.

L-aġenzija Infrastructure Malta kkummissjonat tim ta’ għaxar artisti tal-graffiti mmexxija minn James Micallef Grimaud biex joħolqu arti ġdida f’dan l-ispazju għal dehra aktar estetikament pjaċevoli u li tikkumplimenta n-natura ta’ dan l-isport.

Ekonomija

Sport