Saturday, December 21, 2024

L-imsieħba soċjali infurmati dwar l-aġenda tal-UE waqt diskussjonijiet mal-membri tal-KE u tal-EESC

… b’referenza wkoll għall-interessi ta’ Malta

Aqra wkoll

Waqt Laqgħa tal-Kunsill tal-MCESD, delegazzjoni mistiedna mill-Kummissjoni Ewropea ingħaqdet f’diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali tal-MCESD.

L-imsieħba soċjali introduċew lilhom infushom mad-delegazzjoni fejn tkellmu dwar is-setturi tagħhom u pprovdew ħarsa ġenerali u komprensiva tas-soċjetà li jirrapreżentaw. Il-preżenza tad-delegazzjoni, li kellha l-għan li trawwem djalogu dirett u kostruttiv mal-imsieħba, irrikonoxxiet l-isfidi li qed tiffaċċja Malta bħalissa. Għaldaqstant, din il-laqgħa serviet bħala opportunità għall-imsieħba soċjali biex jesprimu t-tħassib tagħhom fuq suġġetti varji, u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom direttament mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Ġew diskussi kwistjonijiet ewlenin dwar il-prijoritajiet ta’ Malta li, fost oħrajn, kienu jinkludu l-inflazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-ħaddiema u l-familji, l-iżviluppi fit-teknoloġija u l-aċċess għas-suq komuni li huwa kruċjali għal stati żgħar bħal Malta. Ġie indirizzat ukoll l-appoġġ għal Malta fost sfidi ġeografiċi, inklużi l-effetti tal-iskema ETS fuq il-pajjiżi Mediterranji, partikolarment fuq Malta, li huma mmirati lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-influwenza u l-effetti tat-tibdil fil-klima, msaħħa b’azzjonijiet ta’ prijorità biex tiġi ddekarbonizzata l-ekonomija nazzjonali, kienet ukoll fiċ-ċentru tad-diskussjoni.

Wara d-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, il-membri Maltin tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (l-EESC) ġew mistiedna jingħaqdu mal-Kunsill tal-MCESD. L-għan kien li jiġu aġġornati l-imsieħba soċjali tal-MCESD bil-funzjonijiet tal-Kumitat f’diskussjonijiet dwar Malta, u li tiġi stabbilita kollaborazzjoni aktar diretta mal-membri tal-EESC, li tikkontribwixxi għal kwistjonijiet u sfidi fil-livell Ewropew li huma rilevanti għal Malta.

lr-rappreżentanti Maltin tal-Kumitat tal-EESC ġejjin mis-sezzjonijiet tal-Unions, ta’ Min Iħaddem, u tas-Soċjetà Ċivili, liema sezzjonijiet huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-MCESD. Ir-rappreżentanti Maltin tal-EESC jinkludu Stefano Mallia u Doris Sammut, li jirrappreżentaw lil Min Iħaddem; Il-Prof Philip von Brockdorff u Jason Deguara, li jirrappreżentaw lill-Unjins filwaqt li Ben Rizzo, jirrappreżenta lis-Soċjetà Ċivili.

Fi preżentazzjoni li mexxa l-Prof. von Brockdorff lill-imsieħba soċjali, iddeskriva l-kontributi tar-Rappreżentanti Maltin tal-EESC fit-tiswir tal-aġenda tal-UE. Filwaqt li enfasizza l-fokus attwali tal-UE fuq it-tmexxija ambjentali u teknoloġika, huwa nnota n-nuqqas ta’ riċerkaturi b’ħiliet adegwati fl-Intelliġenza Artifiċjali, li din toħloq sfida fi ħdan l-UE.

Il-preżentazzjoni enfasizzat ukoll l-importanza tal-ftehimiet kollettivi fit-tisħiħ tal-ekonomija, it-tisħiħ tal-Unjoni tas-suq kapitali għal żieda fl-investiment, u l-implimentazzjoni ta’ skrinjar aktar effiċjenti tal-investimenti barranin. Ġew diskussi wkoll l-Istrateġija l-ġdida tal-Politika Industrijali Ewropea, il-Ġenerazzjoni li jmiss dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, it-Transizzjoni Ekoloġika u l-effetti tagħha fuq familji bi dħul baxx.

L-imsieħba soċjali indirizzaw numru ta’ kwistjonijiet mar-rappreżentanti tal-EESC, inkluż it-trasformazzjoni tar-relazzjonijiet industrijali u s-sinifikat tal-manifattura; speċjalment fuq il-microchips u l-manifattura ta’ valur għoli. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq il-pożizzjoni ta’ Malta fi ħdan l-UE, u kif l-inklużjoni potenzjali tal-Moldova u l-Ukrajna bħala Stati Membri ġodda tista’ taffettwa lil Malta. Saret enfasi wkoll fuq il-kompetittività ta’ Malta fi ħdan l-UE u s-suq globali, li jikkorrispondu mal-istrateġiji kompetittivi tal-UE.

Il-laqgħa tal-MCESD tmexxiet mill-Perit David Xuereb. Waqt din il-Laqgħa tal-Kunsill, huwa spjega r-raġuni wara li l-Membri tal-Kunsill tal-MCESD u l-parteċipanti, kienu mistiedna biex jilbsu żigarella blu b’simbolu tal-mustaċċi b’appoġġ għall-kampanja Movember. Filwaqt li rrikonoxxa l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet tas-saħħa tal-irġiel, inkluż il-kanċer tal-prostata, il-kanċer tat-testikoli, u s-saħħa ġenerali tal-irġiel, Xuereb enfasizza s-sinifikat ta’ din l-inizjattiva.

Ekonomija

Sport