Sunday, December 22, 2024

L-imsieħba soċjali jiddiskutu l-liċenzjar tal-kuntratturi waqt laqgħa tal-MCESD

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, indirizza laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li fost it-temi diskussi matulha kien hemm l-abbozz ta’ Avviż Legali li ser jintroduċi għall-ewwel darba f’Malta l-liċenzjar tal-kuntratturi.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi wera s-sodisfazzjoni tiegħu għad-diskussjoni pożittiva li din ir-riforma qajmet fil-pajjiż kif ukoll għall-parteċipazzjoni sħiħa minn mijiet ta’ persuni li attendew għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika. Kompla li dan kollu se jiġi evalwat biex fejn meħtieġ l-Avviż Legali jkun aġġornat, sakemm imbagħad jidħol fis-seħħ kif ippjanat. 

Il-ministru saħaq li dan l-eżerċizzju huwa biss il-bidu ta’ proċess li għandu jwassal biex tiżdied is-serjetà fis-settur tal-kostruzzjoni. Huwa temm jgħid li huwa importanti li dawk kollha involuti jkomplu jagħtu s-sehem tagħhom biex din il-bidla tkun waħda fejn titjieb il-kwalità u jogħla l-livell tax-xogħol kollu f’dan il-qasam.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq fuq kemm huwa importanti li bħala gvern ikunu awtokritiċi sabiex ikomplu jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu rigward il-konkorrenza qawwija li kien hemm għal din il-konsultazzjoni pubblika, anke min-naħa tal-imsieħba soċjali.

“B’dan ir-reġim ser ikun hemm titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna. Ladarba dawn il-kuntratturi ser ikunu liċenzjati nemmen ukoll li ser ikunu qegħdin jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema f’dan is-settur,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.

Il-laqgħa tal-MCESD kienet indirizzata wkoll mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Jesmond Muscat li għamel preżentazzjoni dwar l-obbligu għal-liċenzjar tal-kuntratturi.

Waqt l-istess laqgħa tal-MCESD, ġiet diskussa wkoll il-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga fil-preżenza tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Prof. Richard Muscat.

Ekonomija

Sport