Tuesday, August 19, 2025

L-IMWIET MINN INĊIDENTI FIT-TOROQ

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar ġimgħat rajna diversi inċidenti serji fit-toroq ta’ pajjiżna, b’uħud minnhom saħansitra jwasslu għat-telf ta’ ħajjiet. Kien hemm inċidenti suspettati relatati mal-konsum eċċessiv tal-alkoħol. Hawn irridu nagħmluha ċara li m’aħna nirreferu għall-ebda inċident partikolari anke fid-dawl tal-fatt li dwar xi każijiet minnhom hemm proċeduri pendenti li għadhom għaddejjin quddiem il-Qrati filwaqt li f’oħrajn l-investigazzjonijiet għadhom ma ntemmux.

Iżda wieħed bir-raġun jistaqsi x’qiegħed isir jew inkella x’għandu jsir biex kemm jista’ jkun nevitaw milli jsiru inċidenti bħal dawn.

Kull telf ta’ ħajja tħalli warajha weġgħa kbira u trawma għall-familjari u ħbieb tal-vittma. Tħalli impatt ukoll fuq is-soċjetà b’mod inġenerali. Ħafna jkunu dawk li jappellaw għal aktar attenzjoni u dixxiplina fit-toroq tagħna. Oħrajn jesiġu iżjed infurzar jew anki li jiżdiedu l-għadd ta’ testijiet għall-għarrieda, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsum eċċessiv tal-alkoħol u sewqan taħt l-influwenza tad-drogi.

Saħansitra l-Caritas infisha tkellmet dwar ir-riskji varji u serji li jikkawża l-alkoħol. Il-Caritas ma kkummentatx biss imma anki ressqet bosta proposti li għandhom l-għan li jrażżnu l-ħsara kkawżata mill-abbuż tal-alkoħol. 

Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista jgħid li l-awtoritajiet qed jittraskuraw l-infurzar u s-sigurta fit-toroq. F’dawn l-aħħar xhur huwa fatt li żdiedu l-ispezzjonijiet li wasslu mhux biss biex jinqabdu sewwieqa li kienu taħt l-influwenza ta’ xi sustanzi imma anki sewwieqa taħt l-eta rikjesta biex wieħed ikollu liċenzja tas-sewqan.

Hawn min jargumenta li pajjiżna għandu jara x’qed jagħmlu pajjiżi oħra fir-rigward tas-sigurtà fit-toroq. Argumenti bħal dawn huma validi iżda jibqa fatt assolut li kull pajjiż għandu l-karatteristiċi tiegħu anki f’dik li hija sigurta fit-totalità tagħha. Dan ma jfissirx li m’għandniex naraw x’hemm bżonn aktar xi jsir. Altru minn hekk. 

Li ma naqblux miegħu u ma naċċettawx huwa dak li wara kull inċident it-tort jintefa fuq l-awtoritajiet, anki jekk l-inċident sfortunat ikun seħħ b’kawża ta’ traskuraġni u negliġenza jew anki qabel ma l-investigazzjonijiet u l-inkjesti jkunu ntemmu.

Is-sigurta fit-toroq tirrekjedi ċertu kawtela u attenzjoni minn kulħadd u jeħtieġ li r-regolamenti għal sewqan aħjar u sikur jiġu osservati b’mod attiv u mhux jitħallew biss miktuba fuq il-karti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport