Friday, November 22, 2024

L-imwiet ta’ immigranti fil-Mediterran din is-sena irduppjaw fuq is-sena 2020

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif fl-aħħar jiem erġajna smajna b’diversi traġedji ta’ immigranti, qed jirriżulta bl-aktar mod ċar li għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-imwiet tal-immigrant fil-Mediterran irduppjaw fuq l-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Jekk nieħdu l-perjodu bejn April u Ġunju, naraw li l-imwiet komplew jiżdiedu u żdiedu b’erba’ darbiet fuq l-istess perjodu tas-sena 2020. Filfatt fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena mietu 914 persuna, waqt li fl-istess perjodu tas-sena 2020 kienu mietu 402 persuna. Jekk nieħdu is-sena ta’ qabel, jiġifieri 2019, naraw li dakinhar l-imwiet f’dan il-perjodu kienu ta’ 615 persuna.

Rapport imħejji mill-Uffiċċju Internazzjonali għall-Immigrazzjoni jiddikjara li l-imwiet fil-Mediterran komplew jippersistu “b’rata allarmanti”. Il-parti l-kbira tal-imwiet seħħew fir-rotta ċentrali tal-Mediterran jiġifieri dik bejn il-Libja u l-Ewropa.

Jekk wieħed janalizza it-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju isib li l-imwiet żdiedu b’erba’ darbiet. Matul dan il-perjodu għerqu 445 persuna, waqt li 389 persuna għebu u ma nstabux. B’kollox f’dan il-perjodu seħħew 17-il traġedja. Kien hemm 34 każ fejn katavri jew fdalijiet ta’ katavri instabu fuq xtajtiet. Fl-istess perjodu tas-sena 2020 kienu mietu 125 persuna.

Il-bastiment Sea Eye 4 jibda missjoni ġdida ta’ salvataġġ wara xahrejn miżmum

Intant il-bastiment Sea Eye 4 wara xahrejn miżmum fil-port ta’ Palermo, fl-aħħar sigħat ħareġ mill-port biex jibda missjoni ġdida ta’ salvataġġi fil-Mediterran. 

Fi kliem is-Sindku ta’ Palermo, Leoluca Orlando, il-bastiment ta’ Sea Eye kien miżmum għal xahjen fuq assurdità amministrattiva. Qal li minħabba l-burokazija, kien hemm aktar vittmi ta’ traġedji fil-Mediterran. Ma naqasx li jgħid li din hi fuq il-kuxjenza ta’ min wettaq il-burokrazija.

Filmati u ritratti ta’ dgħajsa maqluba bl-immigranti fuqha… intbagħtu żewġ maydays iżda bastimenti rrifjutaw li jgħinu

Fl-aħħar sigħat ukoll l-ajruplan li jintuża minn Sea Watch ġibed filmati ta’ dgħajsa maqluba. Fuq id-dgħajsa maqluba kien hemm 11-il persuna waqt li ħamsa oħra kienu fl-ilma. Jidher li saru kuntatti ma’ żewġ bastimenti li kienu fil-qrib u anke intbagħtu maydays iżda dawn irrifjutaw li jmorru jsalvaw.

Jirriżula li madwar sagħtejn wara patrol boat tal-Gwardji tal-Kosta Libjani waslet fuq il-post. L-immigranti ttieħdu lura lejn il-Libja minkejja li l-Libja mhix meqjusa bħala post sigur għalihom. 

Salvati 500 immigrant… is-sindku ta’ Lampedusa jiddeskrivi s-salvataġġ bħala wieħed mill-akbar fl-aħħar snin

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Gwardji tal-Kosta Libjani salvaw xejn inqas minn 539 immigrant li kienu fuq dgħajsa tas-sajd. Dan hu meqjus bħala wieħed mill-akbar salvataġġi li sar fl-aħħar snin mit-Taljani.

Fost dawk abbord kien hemm għadd ta’ nisa u tfal. Diversi minnhom kellhom fuqhom ġrieħi u marki li juru li sofrew vjolenza.

Alida Serrachieri, minn Medecins Sans Frontieres (MSF) iddikjara li jidher li għadd ta’ immigranti minn dawk salvati kienu attakkati waqt li kienu qed jistennew id-dgħajsa biex teħodhom lejn l-Ewropa. 

Is-sindku ta’ Lampedusa, Toto Martello, iddeskriva is-salvataġġ bħala wieħed mill-akbar li sar fl-aħħar snin.

Sport