Għadu kif kien ippubblikat il-ktieb ‘L-Imxajtna’ tal-kittieb Joseph A. Cachia. Din hija ġabra ta’ disa’ stejjer tal-biża’ li għandhom iħalluk tistaqsi lilek innifsek jekk dak li taqra fihom setgħux seħħew tassew.
F’xi stejjer fil-ktieb ta’ 304 paġna hemm il-mistoqsija jekk bejn il-ħajjin u l-mejtin hemm xi rabta li tista’ tressaqhom it-tnejn flimkien. Il-ħaj għandu mnejn jiltaqa’ mal-mejjet … jew dak li taparsi mejjet. U l-ispirti, it-tajbin u l-ħżiena, kif jaffettwaw lil dawk li ħajjithom għexuha qisu ma hemm xejn wara li jagħlqu għajnejhom fil-mewt?
F’dawn l-istejjer se niltaqgħu ma’ tfajla nvażata mix-xitan fi żmien il-Gran Mastru Pinto. Niltaqgħu wkoll ma’ raġel li jsostni li jibqa’ jkollu rabtiet ma’ ommu anki wara mewtha. Imbagħad hemm dawk l-omm u bintha li joħolmu l-istess ħolm b’konnessjoni ma’ delitt li sar aktar minn mitt sena qabel.

Iż-żewġ kotba ta’ stejjer tal-biża’ ta’ Joseph A. Cachia diġà maħruġa mill-BDL
Qrib it-tmiem tas-seklu 19 wasal Malta bastiment li fuqu kien hemm kreatura li kellha tbiddel ħajjet familja. Il-konsegwenza ta’ dan baqa’ jinħass sal-lum meta raġel b’id waħda jirrakkonta grajja makabra. U tixtieq li tħares f’mera u tara lilek innifsek kif se tkun ħamsin sena oħra? Aħjar ma tkunx taf għax żgur tibża’ b’dak li tara.
Din hi t-tliet ġabra ta’ stejjer tal-biża’ ta’ Joseph A. Cachia mal-BDL ukoll li kien diġà ippubblika l-kotba ‘Id-Deffien taċ-Ċimiterju’ u ‘Ara Ġejja l-Mewt Għalik’, kotba li jinkisbu mil-librara ewlenin.