Sunday, December 22, 2024

“L-inċentivi tat-taxxa għandhom jitqassmu b’mod ekwu filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali”

- Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-YMCA Malta

Aqra wkoll

YMCA Malta bħalissa għandha tliet residenzi li jservu ta’ xelter, programmi speċjalizzati u integrazzjoni jew riintegrazzjoni ta’ persuni u familji f’diffikultajiet jew vulnerabbli.

F’kumment li ta lil IT-TORĊA l-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Malta, Anthony Camilleri qalilna li bħala organizzazzjoni qegħdin jistennew li fil-Budget 2025 l-inċentivi tat-taxxa għandhom jitqassmu b’mod ekwu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi individwali. Dan għax, kif spjega Camilleri, “bħalissa l-individwi li jaqilgħu €60,000 huma ntaxxati l-istess bħal dawk li jaqilgħu €14,501 (rati singoli)”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA kompla fuq il-lat soċjali li għandu joħroġ fil-Budget t’għada fejn insista li, “il-ġid akkumulat, inkluż il-wirt tal-proprjetà, għandu jkun limitat u ntaxxat biex ittaffi l-pressjoni minn familji bi dħul aktar baxx. Barra minnhekk nistennew li jkun hemm żieda fil-pensjonijiet hekk kif il-pensjonanti qegħdin jissieltu biex jgħixu u tirriżulta f’persuni bla dar”.

Għajnuna għal min għandu ftit…

Camilleri qal li jistennew ukoll li tbiegħed mill-paga minima għall-pagi tal-għajxien. “Għandhom ukoll jiżdiedu l-istipendji speċjali għaż-żgħażagħ, speċjalment dawk fil-kura u rreġistrati fl-iskola u kif ilna nisimgħu, il-COLA m’għandhiex tiġi ntaxxata għal nies bi dħul baxx”.

Hawn semma’ s-servizzi tas-saħħa mentali b’mod partikolari l-aċċess għall-psikoterapija u l-counselling. YMCA jistennew li dawn ikunu spallati mill-Gvern lill-familji żvantaġġati mingħajr ebda lista ta’ stennija. Fis-settur tas-saħħa wkoll, Camilleri qal li fil-Budget 2025 jistennew li l-Gvern jiftaħ kliniċi GU fid-distretti kollha mingħajr servizzi limitati.

Proposti oħra tal-YMCA li jistennew li joħorġu fil-budget t’għada huma: l-ispazji ta’ rikreazzjoni għaż-żgħażagħ għandhom ikunu aċċessibbli u b’xejn għal kulħadd; integrazzjoni tal-edukazzjoni intraprenditorjali fil-kurrikulu tal-iskola; l-edukazzjoni ċivika għandha tingħata prijorità fl-iskola minn età żgħira; l-implimentazzjoni ta’ kampanji edukattivi dwar it-tessuti u l-moda sostenibbli – Malta għandha ħafna skart tat-tessuti u l-ebda għarfien; multi ogħla fuq bini privat li jinżamm vojt; u regolamenti dwar il-ħela tal-ikel u jinċentivaw lin-negozji biex jagħtu l-ikel tagħhom mhux mibjugħ.

Ekonomija

Sport