Sunday, November 24, 2024

L-INĊERTEZZA FOST IL-KONSUMATURI

Aqra wkoll

Ammont ta’ xhur ilu, b’mod partikolari meta konna għadna fil-bidu tal-pandemija b’ħafna negozji magħluqin, kienet qed titpoġġa ħafna tama fuq it-tilqima kontra l-Covid19. Kien hemm stennija kbira għaliha, fejn it-tama kienet li wara li tibda tingħata it-tilqima b’mod partikolari meta din tkun ingħatat lil firxa wiesgħa ta’ nies, tibda tirritorna n-normalità.  

Fil-bidu tas-sena 2021 b’mod partikolari hekk kif kien beda dieħel is-sajf, kien beda dieħel ħafna ottimiżmu fejn kien mistenni li l-ekonomija u l-konsum jerġgħu jaqbdu ir-ritmu.  Ġara iżda li fix-xhur li ġew wara is-sajf, dan l-ottimiżmu beda jnaqqas. Dan seħħ l-aktar għax il-każi ta’ Covid19 kienu reġgħu bdew jiżdiedu u dan flimkien ma’ rapporti li se jkollha tingħata tilqima oħra tal-booster. Wara bdiet anke tissemma ir-raba’ doża u ġustament ħafna bdew jiddubitaw dwar meta se nirritornaw għan-normalità.

Kif jixhed l-istudju li qed nippubblikaw llum, il-livell ta’ konsum tal-poplu jinsab f’mument delikat.  Il-konsum lum hu saħanistra inqas mix-xejriet ta’ Lulju li għadda.

 Nemmnu li hemm diversi raġunijiet li qed iwasslu għal dan. Waħda minn dawn hi bla dubju ta’ xejn dik li l-familji u l-poplu tagħna qed jesperjenza żieda kontinwa fil-prezzijiet. Żidiet li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar xhur  u li jistgħu jkomplu jiżdiedu minħabba l-effett tal-gwerra fl-Ukrajna. M’hemmx dubju li dan iċ-ċaqlieq ‘l fuq fil-prezzijiet qed joħloq inċertezza fin-nies u dan mhux xi ħaġa li qed tiġri f’Malta biss imma fid-dinja kollha.  Illum id-dinja kollha hi affettwata minn din il-mewġa ta’ inflazzjoni.

F’pajjiż bħal tagħna fejn nimportaw kollox minn barra, mhux faċli tilqa’ għal dan.  Irridu nirrimarkaw li barra pajjiżna apparti ż-żieda fil-prezzijiet għandhom żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils, xi ħaġa li f’pajjiżna ma intlaqatniex biha u dan għax pajjiżna ħa d-deċiżjoni li jżomm l-istabbilità f’dawn il-prezzijiet.

Fix-xhur li ġejjin jidher li se tkompli din il-mewġa. Filfatt għax-xahar ta’ Marzu, statistika maħruġa mill-Eurostat ikkonfermat li l-inflazzjoni għal Marzu kienet rekord ieħor fl-aħħar 25 sena, b’inflazzjoni ta’ 7.5 fil-mija.

F’pajjiżna ninsabu f’pożizzjoni aħjar minn pajjiżi oħra, li jinsabu jiffaċċjaw żidiet marbutin fl-ispiża tal-enerġija, xi ħaġa li sa issa f’pajjiżna baqgħet stabbli. Ma ninsewx li sa l-aħħar tas-sena li għaddiet, i-previżjonijiet li kienu qegħdin isiru kienu dawk li l-inflazzjoni din is-sena għandha tonqos, xi ħaġa li ma ġratx għax il-prezzijiet komplew telgħin, u dan l-aktar wara l-invażjoni Russa.

Nemmnu li pajjiżna hu importanti li jdaħħal lura l-kunfidenza fost il-poplu Malti. Biex iseħħ dan kulħadd irid jagħmel il-parti inkluż in-negozji. Illum ħafna nies naqsitilhom il-fiduċja għax qed jaraw prezzijiet jinbidlu kontinwament. Qed jaraw li s-saħħa fil-flus qed dejjem tonqos minħabba żidiet kostanti u kontinwi fil-prezzijiet.

Ma nistgħux ma nirrimarkawx li l-awtoritajiet diġà qed jerfgħu biċċa sew minn dan il-piż u dan meta iddedikaw xejn inqas minn €200 miljun b’rabta maż-żidiet fil-prezzijiet.  Kien pass tajjeb mill-awtoritajiet li qed jiddikjaraw li qed jikkunsidraw għajnuniet ġodda  biex il-prezz tal-fjuwil jibqa’ stabbli. Ma ninsewx li xhur ilu l-awtoritajiet kienu naqqsu t-taxxa fuq il-fjuwil u din wasslet għal roħs fil-prezzijiet tal-istess fjuwils. Tajjeb inżommu f’moħħna li minkejja dak li għaddej fid-dinja u l-pressjoni tal-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-fjuwils f’pajjiżna huma fost l-orħos fl-Ewropa.

Sport