Friday, December 27, 2024

L-inċident f’Seoul: Il-Pulizija tal-Korea t’Isfel jgħidu li r-rispons ma kienx adegwat

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Pulizija tal-Korea t’Isfel irrikonoxxa li l-kontroll tal-folla waqt l-inċident tas-Sibt f’Itaewon li fih mietu 155 persuna mgħaffġa, ma kienx “adegwat”. 

Fost sejħiet li qed ikomplu jiżdiedu biex tintrefa’ r-responsabbiltà, Yoon Hee-keun qal li r-rispons tal-pulizija kien “diżappuntanti” u li huwa ħass “responsabbiltà bla limiti dwar is-sigurtà pubblika” fuq dak li ġara. Huwa kompla billi wiegħed investigazzjoni sħiħa dwar l-inċident. 

Hee-keun qal li l-pulizija rċeviet bosta sejħiet anke qabel seħħ l-inċident, fejn kienu mwissija dwar il-gravità tas-sitwazzjoni. Il-pulizija ta’ Seoul qalet li l-ewwel elefonata fuq in-numru tal-emerġenza tal-Korea t’Isfel saret fis-6.34 p.m. (ħin lokali) u kien hemm 10 sejħiet oħra fit-tliet sigħat u nofs ta’ wara. 

Il-Kap tal-Pulizija qal li l-pulizija se twettaq “investigazzjoni intensiva u rigoruża” biex jiġi stabbilit jekk ittiħditx azzjoni xierqa wara li rċeviet it-telefonati u jekk l-uffiċjali tal-pulizija rreaġixxewx kif suppost. 

Matul il-ġurnata tat-Tlieta, il-President Yoon Suk-yeol saħaq li l-inċident wera l-importanza tal-ġestjoni tal-folla u n-nuqqas ta’ riċerka fil-Korea t’Isfel dwar dan is-suġġett.

“Pjuttost milli nitkellmu dwar jekk l-avveniment kellux organizzatur jew le, is-sigurtà tan-nies hi l-aktar importanti, u rridu noħoġru b’miżuri xierqa,” qal il-President filwaqt li ssuġġerixxa l-użu ta’ drones u kapaċitajiet diġitali li jimmaniġġjaw il-folol waqt avvenimenti simili fil-futur.

Ekonomija

Sport