Sunday, November 24, 2024

L-INĊIDENTI FUQ IL-POSTIJIET TAX-XOGĦOL… X’QED JIĠRI U GĦALIEX DAN IS-SKIET?

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kellna diversi inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol. Kellna it-traġedja fil-Marsa. Ħaddiem jaqa’ f’ħofra fir-Rabat, waqt li kien qed jaħdem.  Ftit jiem ilu f’Ħaż-Żebbuġ kellna ħaddiem li weġġa’ wara li waqa’ minn fuq sellum.  Ftit jiem ilu wkoll ħaddiem ieħor weġġa’ meta waqa’ minn fuq trakk f’Ħal Qormi.

Quddiem dawn l-inċidenti li seħħew fi spazju ta’ ftit jiem, u inċidenti oħra li ma nisimgħux bihom, ma nistgħux ma nistaqsux x’qed jiġri. Għaliex qegħdin iseħħu dawn l-inċidenti kollha?  X’qed isir ħażin?  Żgur li risposta għal dawn teżisti.  

Ma nistgħux ma nitkellmux fuq is-skiet li jirrenja wara kull każ ta’ inċident jew mewt fuq il-post tax-xogħol. Niftakru sew snin ilu kien tqum diskussjoni sħiħa, fuq kollox kif għandu jkun. Illum imma isegwi s-skiet. Qisu indera kollox. Qisu hemm apatija. Qisu dawn saru parti minn norma, li ħaddiem iweġġa’ fuq il-post tax-xogħol.

Nemmnu li m’hemmx dubju li d-dinja mgħaġġla ta’ llum u l-pressjonijiet kollha li dan iġib miegħu, jista’ jkun li qed tħalli effett fuq kif isir ċertu xogħol. Jista’ jkun li qed tħalli effett anki fuq ċertu prattiċi tax-xogħol. Nemmnu li pajjiżna għandu stutturi b’saħħithom fejn jidħlu r-regolamenti u tħaris ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Ovvjament ma nistgħux ma nirrirmarrkawx li dawn m’għandhomx ikunu fuq il-karta biss.  Nemmnu li m’hemmx dubju li hemm bżonn ħafna aktar spezzjonijiet u edukazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol. Nemmnu li pajjiżna ma jistax jibqa’ jkollu dawn l-ammont ta’ inċidenti. Nemmnu ukoll li ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dawn l-inċidenti. 

Għax mhux privileġġ li ħaddiem, hu x’inhu u hu min hu, joħroġ għax-xogħol u jirritorna lura d-dar qawwi u sħiħ. Huwa dritt inaljenabbli u f’dan il-kuntest wieħed irid jara jekk il-mekkaniżmi tal-lum li qegħdin hemm għas-salvagwardja tas-saħħa u l-ħajja tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol humiex biżżejjed u humiex effikaċi kif għandu jkun biex jiġu evitati diżgrazzji fuq il-lant tax-xogħol.

Dan li qed ngħidu ma rriduhx jinftiehem li qed nippuntaw subgħajna lejn xi ħadd jew lejn xi naħa. Żgur imma li xi mkien hemm xi ħaġa li mhijiex taħdem kif għandu jkun. 

Forsi jista’ jkun li għadna ngħixu f’kultura fejn għandna ħaddiema m’humiex konxji biżżejjed tar-regolamenti għal ħarsien tas-saħħa u s-sigurta tagħhom stess. 

Dan iżda ma jnaqqas xejn mid-dmir, anzi mill-obbligu ta’ min iħaddem li mhux biss jara imma li jassigura t-tħaris tas-saħħa u l-ħajja tal impjegati tiegħu stess.

Nemmnu li għalhekk, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jeħtieġ li jkollha aktar snien biex tigdem lil min jonqos. Wara kull mewta traġika ta’ ħaddiem hemm familja. 

Hemm familja li tibqa’ ssofri r-rimors għomorha kollu. Hemm familja li ebda kumpens materjali jew finanzjarju ma jġibilha lura dak li tkun tilfet.

Il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħajja tal-ħaddiema għandhom ikunu prijorità l-ħin kollu u kullimkien.

Sport