Fil-jiem li għaddew ktibna dwar il-problema tal-inċidenti tat-traffiku kontinwi li baqgħu jseħħu minkejja li fl-ewwel ġimgħat tas-sena stajna konna attenti aktar minn qatt qabel b’riżolużjoni ta’ sena ġdida li ma nkunux nixtiequ li nimmarkawha, għall-inqas mill-ewwel. Għal darba oħra, il-Ħadd li għadda assistejna għal marki taż-żebgħa li jaf diġà bdew jitqaxxru u forsi mal-ewwel ftit ilma jaqbdu jisparixxu wkoll. Madanakollu, l-marki f’qalb dawk l-aktar għeżież għal dak l-anzjan li tilef ħajtu fl-aħħar inċident fatali f’San Pawl il-Baħar niddubitaw kemm se jisparixxu.
M’aħniex se nidħlu fil-mertu ta’ min kien it-tort u dan għaliex hemm l-awtoritajiet responsabbli li nemmnu li ta’ kuljum jagħmlu dak koillu li jistgħu biex tkun magħrufa l-verità b’rabta ma’ diversi inċidenti. Iżda nistaqsu għalfejn kellna nirrapurtaw dwar mewta oħra ta’ anzjan fl-istess lokalità li jirrisjedi fiha. Kien hawn persuni li mingħajr ma kienu jafu dwar l-eżitu ta’ l-inkjesta b’rabta mal-mewt ta’ Pawlu ċ-Ċeċe bdew jixħtu l-ħtija fuq l-infrastruttura fost l-oħrajn minħabba nuqqas ta’ dawl fit-triq u nuqqas ta’ pjanar għal dawk li jiġu biex jaqsmu. Imma dawk li xeħtu l-ħtija fuq nuqqas ta’ dawl kif se jiġġustifikaw mewta oħra fl-iktar ħin li l-ġurnata li tkun imdawla mix-xemx, f’temp bnazzi li ma jistax ikun aħjar fejn tidħol viżibbiltà, ftit jiem biss bogħod mill-inċident fil-Marsa?
L-infrastruttura hija settur daqstant kbir li nemmnu li jsir kemm isir xogħol qatt ma nistgħu ngħidu li wasalna, iżda żgur li meta tikkompara dak li sar fl-aħħar snin juri qabża kbira ta’ kwalità fejn dak li kien isir mill-amministrazzjoni preċedent. Forsi kulħadd jiftakar iż-żmien meta biex issir triq kien ikun irid jgħaddi minnha l-Papa jew xi ras kbira.
Pieni aktar ħorox? Saret pressjoni u fl-aħħar jiem tħabbru wkoll. Mhux biss. Saret evalwazzjoni ta’ liema huma l-iktar inċidenti komuni u x’kien qiegħed jikkawżahom, iżda saret enfasi wkoll fuq l-infurzar. Naqblu bis-sħiħ mad-distinzjoni għal pieni aktar ħorox għal xufiera li jinqabdu jiksru r-regolamenti meta dawn huma l-persuni li magħhom sippost inħossuna siguri. Mhux darba u tnejn naraw xufiera għaddejjin mitlufin ifittxu fuq il-mappa biex jaraw fejn iridu jmorru meta kulħadd konxju li biż-żieda ta’ vetturi fit-toroq tagħna kull tebqa t’għajn tista’ tiswa l-ħajja ta’ xi ħadd jew saħanistra wħud.
Minkejja l-isforzi kollha, minkejja li sar hawn ħafna esperti minn wara l-keyboard, minkejja multi aktar ħorox, minkejja l-infurzar, għad hemm mill-inqas problema waħda li nemmnu li nistgħu nsolvu flimkien. Is-soluzzjoni hija dik li kull wieħed u waħda minnha jtaptap fuq sidru u jistaqsi lill-kuxjenza tiegħu jekk bl-aġir tiegħu huwiex qiegħed jgħin biex ikun parti mill-problema jew parti mis-soluzzjoni. Li persuna ssuq bil-mobile ma’ widnejha, li persuna ssuq taħt l-influwenza tal-alkoħol jew sustanzi oħra, li persuna taqsam bla ma taħseb, li persuna tiġi taqa’ u tqum mill-bqija tar-regolamenti u anke s-sanzjonijiet relatati … żgur li mhumiex parti mis-soluzzjoni.