Sunday, May 25, 2025

L-indifferenza lejn ir-razziżmu

Aqra wkoll

Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ kunflitti. L-aktar li nisimgħu bihom huma l-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja  u l-kunflitt f’Gaża. Ma’ dawn imma hemm kunflitti li jissemmew inqas fosthom dak fis-Sudan, fi Myanmar u fir-Repubblika tal-Congo. Proprju ftit ġimgħat qabel ġie ċelebrat it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, bdejna nisimgħu bil-pjani tal-Unjoni Ewropea li tarma lilha nfisha.  L-Unjoni Ewropea, li proprju inħoqot biex fl-Ewropa ma jkunx hawn qatt aktar gwerer, illum titkellem fuq kif se tarma lilha nfisha. Mhux biss imma sa minn ħafna xhur qabel dawn id-dikjarazzjonijiet għall-ewwel darba indaħlet f’kunflitt, dak bejn l-Ukrajna u r-Russja u għenet b’mod qawwi anke permezz ta’ armamenti lill-Ukrajna biex tiġġieled lir-Russja f’dan il-kunflitt.

Illum hekk kif kif ftit jiem ilu ċċelebrajna t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. ma nistgħux ma nagħmlux il-mistoqsija naturali. Tgħallimna minn dak li ġara?  Tgħallimna biex naraw li l-ħruxijiet li twettqu mill-bniedem ma’ jerġgħux jiġu ripetuti?  Mistoqsijiet li minnhom infihom joħolqu dibattitu.

Minkejja dak li sar, nemmnu li d-dinja ma ħaditx il-lezzjoni. Kien hemm ħafna dikjarazzjonijiet anke wara t-tmiem tal-gwerra u fiż-żminijiet ta’ wara. Imma sfortunatament, il-ħruxijiet u l-ġenoċidji baqgħu jitwettqu. 

U llum qed nerġgħu naraw l-antisemitiżmu jgħolli rasu. Qed naraw il-popoliżmu jerfa’ rasu. Qed naraw id-dinja, bir-razziżmu jerġa’ jgħolli rasu sew.

Biżżejjed tara x’qed jinkiteb fuq is-siti soċjali għal dawn il-persuni li qed jippruvaw ifittxu ħajja aħjar. L-agħar dispreġjattivi li wieħed jista’ jimmaġina. Sfortunatament is-soċjetà tagħna hi mimlija preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon.

Il-preġudizzji u l-kummenti razzisti mhumiex biss fil-konfront ta’ Afrikani. Qegħdin narawhom fis-siti soċjali kontra l-Iżraeljani u kontra ir-Russi. Għandna min fostna ma’ l-iċken okkażjoni jikteb kummenti ta’ mibegħda lejn persuni oħra.  Fl-aħħar jiem u anke ġimgħat rajna kummenti mill-aktar iebsin kontra l-Lhud. Kummenti li ma jagħmluhx ġieħ lil min jiktibhom. Kummenti li jinstigaw mibegħda. 

Nemmnu li llum is-soċjetà tagħna trid ħelsien mill-estremiżmu li qed jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħed magħna.   Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża sezzjonijiet tal-poplu.  Estremiżmu li ma juri l-ebda ħniena. Lanqas ma dawk bla nifs f’nofs ta’ baħar. Bil-għatx, bil-ġuħ f’nofs ta’ baħar.  

Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li ma huma Maltin llum m’hemmx postha. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu Malta bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu. Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja. 

Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex il-bieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom. 

Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti senso ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali. 

Nemmnu li pajjiżna irid jagħmel ferm aktar fuq l-integrazzjoni. Donnu nibżgħu nitkellmu fuqha ma jmurx nurtaw xi sezzjoni ta’ nies. 

Irridu nżommu f’moħħna li meta nisseparaw b’mod riġidu bejn min jaqa’ fid-definizzjoni ta’ Malti u dik ta’ barrani inkunu qed nagħmlu ħsara lil diversi minn ħutna l-Maltin stess u l-familji tagħhom. Miż-żwiġijiet li jseħħu f’Malta li jirrigwardaw tal-anqas persuna waħda ta’ nazzjonalità Maltija, madwar ħmistax fil-mija minnhom huma ma persuni mhux Maltin. 

Nittamaw li ma nibqgħux passivi.  L-estremiżmu m’hemmx postu fis-soċjetà tagħna. Nittamaw ukoll li istituzzjonijiet f’pajjiżna ma jibqgħux siekta quddiem ir-razziżmu u kummenti ta’ mibegħda. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Indifferenza u l-apatija li hawn biex nitrattaw dan is-suġġett, qed ikomplu jżidu ir-rażżismu fostna.

Ma rridux ninsew li dik il-parti tal-istorja li ma tiġix imfakkra, li neħduhali qisu xejn mhux xejn jew li issa ilha li saret jew agħar minn hekk tipprova titnessa, hemm ċans kbir li maż-żmien tirrepeti ruħha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport