Waħda mill-akbar problemi li sab ma’ wiċċu Gvern Laburista meta tela’ fl-2013 kienet l-għadd kbir ta’ nies jgħixu fil-faqar, fir-riskju tal-faqar jew imċaħħdin materjalment b’mod sever. Għall-posterità, ikollna ngħidu li kien minn dakinhar li ngħata spinta qawwija l-qasam soċjali bil-għan li l-problema titnaqqas kemm jista’ jkun.
Minn dakinhar, il-progress soċjali baqa’ jikber sena wara l-oħra f’kull budget li ġie ppreżentat fi tliet leġiżlaturi konsekuttivi. Xhieda ta’ dan huwa l-kejl uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni materjali u soċjali f’pajjiżna reġgħet naqset għal 19.7% fl-2024, meta fl-2013 din ir-rata kienet ta’ 24.6% jiġifieri tnaqqis ta’ kważi ħames punti perċentwali f’temp ta’ 11-il sena.
Punt pożittiv li joħroġ mill-istatistika riċenti huwa l-fatt li qed jiġi indikat li matul l-2024 naqset sewwa l-inugwaljanza fid-dħul fejn il-Gini Coefficient naqas minn 33.0 għal 30.8, li huwa l-anqas livell mis-sena ta’ qabel il-pandemija lil hawn.
Raġuni ewlenija wara dan it-titjib bla dubju kien l-investiment qawwi li sar fil-qasam soċjali matul dawn is-snin għax pajjiżna kien konxju tal-bżonnijiet li kellhom il-Maltin u l-Għawdxi biex jgħixu ħajja aħjar. Punt pożittiv li nistgħu ninnutaw huwa li bis-saħħa ta’ dawn il-benefiċċji llum ħafna Maltin huma f’qagħda aħjar tant li m’għadhomx jiddependu fuq l-assistenza soċjali.
Din il-ħidma wasslet ukoll biex ħafna nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol billi jingħataw l-opportunitajiet kollha biex jagħmlu dan fosthom biċ-childcare b’xejn u t-trasport pubbliku bla ħlas.
Il-Prim Ministru diġa’ ddikjara wkoll li għalkemm għadu ftit ‘il bogħod, fil-budget li jmiss, il-Gvern se jerġa’ jżid il-pensjonijiet biex l-anzjani li m’għadhomx jaħdmu jkomplu jtejbu l-qagħda tagħhom kif għamlu tul dawn l-aħħar snin b’żidiet konsekuttivi fil-pensjoni tagħhom.
Dan kollu seta’ jsir għax l-ekonomija kienet tiflaħ għalihom minkejja l-isfidi internazzjonali li pajjiżna affaċċja fosthom l-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils u anke l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel, kaġun l-aktar tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Kien għalhekk li l-Gvern kien f’pożizzjoni li l-piż jerfgħu hu minflok ma jgħaddih għal fuq il-familji Maltin u Għawdxin.