Wednesday, March 4, 2026

L-Indja u l-Kanada bi ftehim “storiku” dwar l-enerġija nukleari

Aqra wkoll

L-Indja u l-Kanada rrestawraw ir-rabtiet tagħhom u ħabbru għadd ta’ ftehimiet, inkluż ftehim ta’ 10 snin dwar l-enerġija nukleari, wara li l-prim ministri taż-żewġ pajjiżi ltaqgħu f’Delhi biex jerġgħu jistabbilixxu r-rabtiet li kienu tfarrku minħabba tensjonijiet diplomatiċi.

Il-prim ministri Narendra Modi u Mark Carney laħqu wkoll ftehim f’oqsma bħat-teknoloġija, minerali kritiċi, l-ispazju, id-difiża u l-edukazzjoni. Qablu wkoll li jikkonkludu ftehim ta’ kummerċ ħieles, li ilu snin jitħejja, sa tmiem l-2026. Iż-żewġ pajjiżi jridu jnaqqsu l-esponiment tagħhom għal tariffi kummerċjali punittivi tal-president tal-Istati Uniti.

Taħt Carney, iż-żewġ gvernijiet qed jippruvaw isewwu r-rabtiet li kienu kważi ntemmu meta l-predeċessur tiegħu, Justin Trudeau, akkuża lil Indja b’rabta mal-assassinju tal-2023 tas-separatista Sikh Hardeep Singh Nijjar fuq art Kanadiża. L-Indja kienet ċaħdet bil-qawwa din l-allegazzjoni.

Iżda minn meta Carney ħa l-kariga s-sena l-oħra, ir-relazzjoni nbniet mill-ġdid b’kawtela megħjuna mill-fatt li l-gvern tiegħu qal li jemmen li l-Indja bħalissa mhijiex marbuta ma’ reati vjolenti jew theddid fuq art Kanadiża.

Madankollu, xi wħud fil-Kanada rribattew din l-istqarrija, inkluż membru parlamentari Liberali mill-partit ta’ Carney stess u membri tad-dijaspora Sikh fil-Kanada, li jgħidu li jemmnu li huma għadhom fil-mira tal-Indja.

L-aġenzija tal-ispjunaġġ tal-Kanada elenkat l-Indja tard is-sena l-oħra bħala wieħed mill-pajjiżi li qed iwettqu spjunaġġ u indħil barrani fil-pajjiż, flimkien mar-Russja, iċ-Ċina u l-Iran.

L-analisti jgħidu li d-deċiżjoni ta’ Carney li jħalli t-tensjonijiet diplomatiċi warajh u jestendi l-werqa taż-żebbuġa lill-Indja hija waħda pragmatika, ibbażata fuq il-bidliet ġeopolitiċi tal-lum.

L-istess jgħodd għall-Indja, li qed tfittex li toħloq sħubijiet kummerċjali ġodda biex tiddiversifika l-importazzjonijiet tagħha u tnaqqas ukoll id-dipendenza tagħha fuq ir-Russja għall-bżonnijiet tal-enerġija tagħha.

Stħarriġ wera li l-maġġoranza tal-pubbliku huma favur li li l-Kanada terġa’ tinvolvi ruħha mal-Indja. Stħarriġ reċenti mwettaq minn Angus Reid sab li nofs jemmnu li huwa l-waqt it-tajjeb biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-rabtiet.

L-istħarriġ jissuġġerixxi wkoll li aktar Kanadiżi għandhom opinjoni favorevoli dwar l-Indja (30%) milli dwar l-Istati Uniti (26%), hekk kif il-Kanada qed tkompli tkun milquta mit-tariffi imposti mill-amministrazzjoni ta’ Trump.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport