Tuesday, January 27, 2026

L-Indja u l-Unjoni Ewropea jħabbru ftehim kummerċjali storiku

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea u l-Indja ħabbru li laħqu bejniethom ftehim kummerċjali storiku wara kważi 20 sena ta’ taħditiet. Dan l-iżvilupp seħħ waqt li ż-żewġ naħat qed jimmiraw li jsaħħu bl-iktar mod qawwi r-rabtiet tagħhom fost it-tensjonijiet attwali mal-Istati Uniti.

Il-ftehim li ġie konkluż qed jitqies mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bħala “l-omm tal-ftehimiet kollha,” u skont ma kitbet fuq il-pjattaforma X, l-UE u l-Indja qed jiktbu l-istorja.

Von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew António Costa waslu f’Delhi fi tmiem il-ġimgħa li għadda u kienu l-mistiedna ewlenin fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika tal-Indja nhar it-Tnejn. Huma kellhom ukoll laqgħa mal-Prim Ministru Indjan Narendra Modi f’summit bilaterali.

Kemm l-Indja kif ukoll l-Unjoni Ewropea qed ifittxu li jsaħħu r-rabtiet strateġiċi u kummerċjali mal-bqija tad-dinja hekk kif iż-żewġ naħat qed jiffaċċjaw pressjoni ekonomika u ġeopolitika mill-Istati Uniti ta’ Donald Trump.

L-Indja qed titħabat ma’ tariffi ta’ 50% imposti mill-President Donald Trump is-sena l-oħra fost taħditiet li għadhom għaddejjin immirati biex jiżguraw ftehim kummerċjali bejn l-Indja u l-Istati Uniti.

Il-ġimgħa li għaddiet, Trump hedded li jeskala l-gwerra kummerċjali tiegħu mal-alleati Ewropej talli opponew il-pjan tiegħu li jieħu l-kontroll tal-gżira ta’ Greenland. Dak il-kuntest ġeopolitiku usa’ kien evidenti f’dikjarazzjonijiet reċenti magħmula minn diveri mexxejja.

Nhar it-Tlieta, von der Leyen kitbet li bil-ftehim inġolqot żona ta’ kummerċ ħieles ta’ żewġ biljun ruħ, li minnu se jibbenefikaw iż-żewġ naħat. Dan huwa biss il-bidu kompliet qalet u sostniet ukoll li r-relazzjoni strateġika ta’ bejn l-Indja u l-UE se tkun saħansitra aktar b’saħħitha.

Jum qabel, Costa kien qal, mingħajr ma semma l-Istati Uniti, li dan il-ftehim kummerċjali  kien se jibgħat “messaġġ politiku importanti lid-dinja li l-Indja u l-UE jemmnu aktar fi ftehimiet kummerċjali milli fit-tariffi” fi żmien meta l-protezzjoniżmu qed jiżdied u xi pajjiżi ddeċidew li jżidu t-tariffi.

L-iffirmar formali x’aktarx li jseħħ aktar tard din is-sena, billi l-ftehim irid jiġi approvat kemm mill-Parlament Ewropew u kif ukoll mill-Kunsill Ewropew.

Il-ftehim se jespandi l-aċċess għas-suq għall-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Ewropa filwaqt li jiffaċilita d-dħul għal investimenti u oġġetti Ewropej, bħal karozzi u xorb, fit-tielet l-akbar ekonomija tal-Asja.

It-taħditiet għal ftehim bejn l-Indja u l-UE kienu bdew fl-2007 iżda waqfu fl-2013 minħabba ostakli fl-aċċess għas-suq u t-talbiet regolatorji. Id-diskussjonijiet reġgħu bdew formalment f’Lulju 2022.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport