Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech enfasizza kif produzzjoni li qiegħda tinħadem bħalissa f’Malta hija eżempju ieħor ta’ kif l-industrija tal-films f’pajjiżna irnexxielha tinbidel għal waħda li taħdem kuljum, b’aktar Maltin jaħdmu fiha s-sena kollha.F’dawn l-aħħar tliet xhur, f’pajjiżna nħadmet il-produzzjoni Franċiża ‘La Comtesse de Monte-Cristo’. Din il-produzzjoni ta’ livell għoli tinkludi fiha tmien episodji ta’ 52 minuta-il wieħed.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru s-sett ta’ din produzzjoni televiżiva.
F’din iż-żjara, il-Ministru Bonnici u l-Kummissarju Grech iltaqgħu mal-membri ewlenin tat-tim tal-produzzjoni, inklużi l-produtturi, id-direttur u l-atturi. Iltaqgħu wkoll mal-crew impjegat mal-produzzjoni, b’90% minnu huma Maltin.
Il-produzzjoni rat il-ġbid tagħha f’firxa wiesgħa ta’ postijiet ikoniċi Maltin, inkluża l-bajja tar-Riviera fil-Mellieħa, il-Pixkerija u t-Teatru Manoel fil-Belt Valletta, Miġra l-Ferħa fir-Rabat, Palazzo Parisio fin-Naxxar, u l-Forti Manoel fil-Gżira.
Il-Ministru Bonnici enfassiza kif produzzjonijiet internazzjonali bħal din jibqgħu jesponu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna, ir-rieda tal-Gvern lejn aktar impjiegi ta’ kwalità għolja fis-settur tal-films filwaqt li jsostnu l-ekonomija.
Dan il-film, hu interpretazzjoni kontemporanja tal-ktieb klassiku ta’ Alexandre Dumas. L-istorja sseħħ f’Marsilja fl-1815 xorta waħda, iżda din id-darba tpoġġi lil Mercédès Herrera fiċ-ċentru tagħha u tbiddilha minn figura traġika għal eroj tad-destin tagħha stess.

