Sunday, November 24, 2024

“L-industrija tal-kostruzzjoni ilha marida għal dawn l-aħħar 40 sena”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), Jesmond Muscat

Aqra wkoll

“L-industrija tal-kostruzzjoni ilha marida għal dawn l-aħħar 40 sena,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), Jesmond Muscat, waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia li seħħet fit-3 ta’ Diċembru li għadda f’Kordin meta mistoqsi dwar l-istat li tinsab fih.

Huwa kompla jgħid li l-BCA qed taħdem biex iżżid l-għadd ta’ ħaddiema fi ħdanha, tant li al-aħħar tas-sena se jiżdiedu erba’ spetturi oħra. Però, fl-istess waqt saħaq ukoll li jiżdiedu kemm jiżdiedu, dan l-ammont qatt mhu biżżejjed.

Fil-preżent hemm 21 spettur li jinkludu chief officer u tliet senior officers. Minn dawn il-21, 17 huma nkarigati biex imorru f’siti fejn ikun qed isir xi xogħol ta’ bini.

Muscat qal li ħadem fl-Awtorità tal-Ippjanar għal madwar 20 sena u issa ilu jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-BCA sa minn Ġunju tal-2022.

Ix-xhud qal li dakinhar li seħħ l-inċident huwa mar fuq il-post iżda żamm ċertu distanza. Qal li ma kienx ħejja rapport, però għarraf lill-Bord b’din it-traġedja. F’laqgħa tal-Bord tal-BCA, li saret fit-3 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra, ġiet diskussa din it-traġedja f’Kordin. Mistoqsi mill-Bord għalfejn saret din il-laqgħa, ix-xhud wieġeb li minħabba din l-inkjesta.

Is-seduta li jmiss se ssir bħal-lum ġimgħa, il-25 ta’ Awwissu.

Sport