Friday, December 13, 2024

L-industrija tal-ospitalità tittama li f’April nibdew naraw xi ritorn ta’ turisti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi

“L-industrija tal-ospitalità qed tittama li l-vaċċin ikun effettiv u li f’April jista’ jkun li nibdew naraw xi ritorn ta’ turisti lejn ix-xtut tagħna. Aħna mhux qed nistennew numri kbar, u dawn ikunu baxxi ħafna meta mqabbla mal-2019, imma għall-inqas ikun bidu u nisperaw li nistgħu nħarsu lejn numru ta’ viżitaturi li dejjem jiżdied fit-tielet u r-raba’ kwart tal-2021.”

Hekk qal ma’ dan is-sit il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) Tony Zahra meta mitlub għal reazzjoni ta’ kif kien l-andamenti tar-ristoranti u l-lukandi f’lejliet tas-sena u fl-ewwel tas-sena.

Dwar dan huwa qal li kif kien previst, kemm ir-ristoranti kif ukoll il-lukandi rrappurtaw li lejliet tas-sena l-ġdida u l-ewwel tas-Sena kienu kemxejn aħjar meta mqabbla ma’ lejliet il-Milied u l-Milied 2020. Żied jgħid li naturalment ir-riżultat għal-lejliet is-sena l-ġdida u l-ewwel tas-sena l-ġdida bl-ebda mod ma kienu qrib dak li ġie esperjenzat għall-istess perjodu fl-2020.

Għal darb’oħra, kif semma f’kumment li kien qal ma’ dan il-ġurnal qabel lejlet tas-sena l-ġdida, Zahra qal li issa qed iħarsu ‘l quddiem għall-ħruġ tal-vawċers li mistennija joħorġu f’dan ix-xahar għax semma kif l-introduzzjoni tagħhom l-aħħar darba rat injezzjoni fl-ekonomija. Qal li dawn jgħinu biex ikun hemm ċertu dħul u jgħinu b’mod speċjali fl-isfond li fl-ewwel kwart tas-sena l-infiq jista’ jkun eċċezzjonalment baxx jew ma jkun hemm l-ebda infiq f’ristoranti u lukandi.

It-tieni rawnd ta’ vawċers biex jintużaw fi ħwienet kummerċjali u stabbiliment tal-ospitalità u ristoranti se jkunu qed jitqassmu sa nofs Jannar. Dan sar magħruf permezz ta’ nota tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) lill-membri tagħha, fejn qalet li ġiet informata mill-awtoritajiet relevanti li l-vawċers se jkunu qed jitqassmu sa nofs dan ix-xahar.

Din it-tieni skema ta’ vawċers kienet parti mill-miżuri mħabbrin fil-baġit għal din is-sena. Is-sena li għaddiet, fl-ewwel skema ta’ tqassim ta’ vawċers, il-Gvern kien qassam €100 f’vawċers lil persuni kollha li għandhom 16-il sena jew aktar. Minn dan it-total €80 kellhom jintefqu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni jew restoranti, filwaqt li €20 kellhom jintefqu fi ħwienet kummerċjali. Din il-miżura kienet swiet lill-Gvern €44 miljun.

Ekonomija

Sport