Saturday, November 9, 2024

L-infermiera li qatlet sebat itrabi fl-Ingilterra kienet deskritta bħala entużjasta u kapaċi lura fl-2016

L-eks Kap Eżekuttiv tal-isptar jgħid li aġixxa fil-pront meta neħħieha mit-taqsima tat-trabi

Aqra wkoll

L-eks Kap Eżekuttiv tal-isptar fejn l-infermiera Lucy Letby qatlet sebat itrabi qal li l-ewwel darba li sema’ bi tħassib serju dwarha kien f’Ġunju tal-2016, sena wara li kienet marbuta ma’ sensiela ta’ mwiet ta’ trabi f’ċirkostanzi mhux tas-soltu. 

Madankollu, Tony Chambers, li telaq mill-Isptar Countess of Chester ftit wara l-arrest ta’ Letby, qal li dak iż-żmien kienu qalulu li hija kienet “infermiera entużjasta, kapaċi u impenjata f’xogħolha”, minkejja t-tħassib ta’ tobba oħra. 

Qed ikun irrapportat li Letby ta’ 33 sena allegatament kienet qatlet sebat itrabi u pprovat toqtol sitta oħra fit-taqsima tat-twelid tat-trabi fejn hija kienet ilha taħdem sa mill-2012. Hija tneħħiet mit-taqsima f’Lulju tal-2016 meta l-istess tobba kienu talbu li tittieħed azzjoni.

Konsulenti pedjatri kienu ilhom ix-xhur iqajmu tħassib dwar ir-rabta ta’ Letby ma’ inċidenti suspettużi iżda kien f’Mejju tal-2017 meta hija kienet irrapportata lill-pulizija, u ġiet arrestata sena wara. 

Membri tal-eżekuttiv tal-isptar ġew ikkritikati talli naqsu milli jieħdu azzjoni fil-ħin, liema azzjoni kienet tkun kruċjali li kieku Letby kienet tneħħiet minn din it-taqsima aktar qabel. 

Intant, is-Segretarju tas-Saħħa, Steve Barclay ordna wkoll inkjesta indipendenti li għandha tistabillixxi l-fatti għalfejn Letby ma kinitx twaqqfet qabel. 

Waqt li kien qed jitkellem għall-ewwel darba dwar l-involviment tiegħu fil-każ, Chambers qal lill-midja internazzjonali li t-tħassib tiegħu dwar l-infermiera żdied f’Ġunju tal-2016 wara l-imwiet tal-aħwa triplets.

Huwa qal li ħa azzjoni immedjata li jneħħi lil Letby mit-taqsima tat-trabi, li ddeskrivieha bħala “azzjoni mhux preġudikata biex tkun żgurata s-sigurtà” u beda jaħdem fuq tliet reviżjonijiet.

Madankollu, l-ebda waħda minn dawn ir-reviżjonijiet ma kienet inkarigata li tinvestiga jekk Letby kinitx għamlet ħsara lit-trabi li kienu taħt il-kura tagħha. Wara ġuri li dam għaddej 10 xhur, Letby instabet ħatja li qatlet sebat itrabi u pprovat toqtol sitta oħra fl-imsemmi sptar. 

Hija nstabet mhux ħatja ta’ żewġ attentati ta’ qtil u l-ġurati ma setgħux jaslu għal verdett fuq sitta oħra.  Hija se tingħata s-sentenza t-Tnejn.

Sport