Wednesday, July 30, 2025

L-infiq tat-turisti jilħaq it-€396 miljun f’Ġunju … żieda ta’ 19.1% mir-rekord tal-2024

Aqra wkoll

L-infiq tat-turisti laħaq it-€396 miljun f’Ġunju, żieda ta’ 19.1% mir-rekord tal-2024

L-istatistika tat-turiżmu intern tal-NSO, ippubblikata llum għax-xahar ta’ Ġunju 2025, tikkonferma s-suċċess tal-viżjoni u l-istrateġija tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta li timmira għal rata ogħla ta’ tkabbir tal-industrija fix-xitwa u fix-xhur ta’ wara tas-sena, it-tixrid tal-benefiċċji tat-turiżmu matul is-sena kollha, id-diversifikazzjoni kontinwa tas-swieq sors tat-turiżmu, kemm minn pajjiżi Ewropej fuq distanzi qosra kif ukoll minn swieq aktar imbiegħda fl-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina, l-Asja u l-Awstralja, filwaqt li dejjem iffukati biex jattiraw tip ta’ turiżmu li jrendi aktar lejn il-Gżejjer Maltin.

L-infiq mit-turisti li żaru Malta u Għawdex fix-xahar ta’ Ġunju laħaq kważi t-396 miljun ewro, żieda ta’ 19.1% meta mqabbel mal-istess 6 xhur fis-sena rekord tal-2024, kważi d-doppju tar-rata taż-żieda ta’ 10.8% fin-numru ta’ turisti li jżuru. Din ix-xejra pożittiva ta’ rata ogħla ta’ tkabbir fl-infiq turistiku meta mqabbla maż-żieda fit-turisti li jżuru l-pajjiż kienet konsistenti matul l-ewwel nofs tas-sena, b’żieda fl-infiq turistiku ta’ 21% li qabżet l-€1,564,000 meta mqabbla ma’ żieda fin-numru ta’ turisti ta’ 13.5%.

L-akbar numru ta’ turisti li żaru Malta u Għawdex fl-ewwel 6 xhur kienu bejn il-25 u l-44 sena, 661,391 passiġġieri, segwiti minn dawk ta’ bejn il-45 u l-64 sena, b’total ta’ 583,255 passiġġieri, fit-tielet post bi 345,850 passiġġieri hemm dawk ta’ bejn 0-24 sena u l-aħħar demografija tal-età huma dawk ta’ 65+ b’215,234 turist. L-ogħla rata ta’ tkabbir ġiet irreġistrata fil-grupp ta’ età ta’ 65+ b’żieda ta’ 25.2%, segwiti minn dawk ta’ bejn il-45 u l-64 sena b’żieda ta’ 18.3%. L-iktar rata baxxa ta’ tkabbir hija fil-grupp ta’ bejn 0-24 sena b’żieda ta’ 5.8%.

It-tul medju tas-soġġorn baqa’ stabbli għal ftit inqas minn sitt iljieli b’żieda ta’ 14.4% f’dawk li qagħdu aktar minn sebat iljieli fil-Gżejjer tagħna.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, bl-appoġġ sħiħ tal-partijiet interessati fl-industrija, u d-direzzjoni politika tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu u l-Affarijiet Barranin Dr Ian Borg, tinsab fit-triq it-tajba bil-pjan ta’ rivitalizzazzjoni tal-industrija tat-turiżmu ta’ Malta, biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul u l-profittabbiltà tat-turiżmu bħala kontributur ewlieni għall-ekonomija ta’ Malta għal ħafna snin li ġejjin, qal Carlo Micallef, CEO tal-Malta Tourism Authority (MTA).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport