Sunday, December 22, 2024

L-INFLAZZJONI AFFETTWAT IL-‘PAGI REALI’ TAL-ĦADDIEMA FL-EWROPA

Aqra wkoll

L-inflazzjoni, jew iż-żieda fil-prezzijiet li bdiet qabel il-gwerra fl-Ukrajna u mbagħad ħadet rankatura kbira ‘lfuq meta ir-Russja invadiet l-Ukrajna, kellha effett kbir fuq għadd ta’ setturi.  Wieħed minn dawn l-effetti li ftit li xejn jissemma’, hu kif din l-inflazzjoni affettwat il-‘pagi reali’ tal-ħaddiema Ewropej.  Îl-‘pagi reali’ jagħtu indikazzjonijiet ċari dwar is-saħħa finanzjarja tal-ħaddiema biex jikkunsmaw. Il-pagi reali, bil-kuntarju tal-paga nominali jiġifieri dik li titħallas minn min iħaddmek, tieħu inkonsiderazzjoni l-inflazzjoni u b’hekk jinħoloq kejl li juri l-effett tal-inflazzjoni fuq l-istess pagi.

L-ammont ta’ xhur b’inflazzjoni għolja ħallew effett kbir fuq il-pagi reali. Filfatt f’ħafna mill-pajjiżi Ewropej, l-inflazzjoni għolja wasslet biex il-pagi reali naqsu flok żdiedu.  Dan ikollu effett fuq il-konsum għax il-konsumaturi jibdew jaraw kif se jnaqqsu l-ispiża u dan isir billi jikkonsmaw inwas jew anke ibiddlu ix-xejra tax-xiri tagħhom. 

Iż-żieda fl-inflazzjoni, li għalkemm naqset xorta għadha l-bogħod ħafna minn livelli aċċettabbli, bdiet fis-sena 2021.  Fis-sena 2022 minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, kien hemm impatt qawwi fuq il-prezzijiet tal-enerġija. 

Sezzjonijiet sħaħ ta’ Ewropej fosthom dawk vulnerabbli spiċċaw litteralment jiġġieldu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel u maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Rajna protesti kbar madwar l-Ewropa. 

Wieħed ma jistax ma jistaqsix dwar l-effett li ħalliet l-inflazzjoni fuq il-‘pagi reali’. Statistika li nħarġet riċentament mill-Organizazzoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD) uriet li fl-ewwel tlett xhur ta’ din is-sena, ir-rata tal-pagi reali kull siegħa kienet naqset. Dan it-tnaqqis ġie reġistrat fi 22 minn 24 pajjiż Ewropej. Din tfisser li ż-żidiet li ħadu l-ħaddiema fil-pagi nominali – jiġifieri il-paga li huma jitħallsu, kienu inqas mir-rata ta’ inflazzjoni. Din għalhekk twassal għal tnaqqis fil-pagi reali.

Mill-24 pajjiż Ewropej li fihom sar studju dwar l-effett tal-inflazzjoni fuq il-paga reali, kienu biss il-Belġju u l-Olanda li kellhom żieda fil-paga reali. It-tnaqqis fil-pagi reali ivarja minn 0.8 fil-mija fil-Lussemburgu għal 15.6 fil-mija fl-Ungerija. F’disa’ pajjiżi it-tnaqqif il-paga reali kien ta’ aktar minn 5 fil-mija.

Jekk wieħed jara l-pagi nominali, jiġifieri kemm jitħallsu l-ħaddiema, isib li l-pagi nomali għall-perjodu bejn l-ewwel kwart tas-sena 2022 u l-ewwel kwart tas-sena 2023, żdiedu fl-24 pajjiż tal-Unjoni Ewropea li fihom sar l-istudju. Minkejja dan, inflazzjoni qawwija, spiċċat ġabet fix-xejn iż-żidiet fil-pagi nominali.  F’għadd ta’ pajjiżi l-inflazzjoni kienet qawwija ħafna fosthom l-Ungerija b’25.4 fil-mija, il-Latvja b’19.6 fil-mija, il-Litwanja b’18.4 fil-mija u l-Estonja u l-Polonja bi 17.1 u 17 fil-mija rispettivament.

Mill-istudju toħroġ ix-xejra negattiva li l-pagi reali f’għadd ta’ pajjiżi llum huma inqas minn dawk ta’ qabel il-pandemija.

Nemmnu li dan hu indikatur negattiv b’mod partikolari għall-klassi tal-ħaddiema. Dan l-indikatur ma jagħmel xejn għajr li jwassal biex il-kwalità tal-ħajja tkompli titnaqqar. Mhux sorpriża għalhekk li qegħdin naraw għadd ta’ azzjonijiet industrijali u protesti. Mhux sorpriża lanqas li qegħdin naraw movimenti sħaħ jippreparaw għall-manifestazzjonijiet kbar li għandhom isiru madwar l-Ewropa. Hi sfortuna li dan l-indikatur ftit li xejn smajna min jitkellem dwaru. Ġie injorat.  Minkejja dan, il-klassi tal-ħaddiema tħoss l-effett negattivi tiegħu u konsegwenza ta’ dan jitnaqqas il-livell tal-għixien. Dan qiegħed iseħħ għax l-Unjoni Ewropea aktar moħħha fil-kumpanijii kbar u multi nazzjonali, milli li ttejjeb il-livell tal-għixien tal-ħaddiema. 

Ekonomija

Sport