Sunday, December 22, 2024

L-inflazzjoni Ewropea tkompli nieżla… ta’ Malta b’rata aktar kajmana

Aqra wkoll

L-inflazzjoni jew aħjar iż-żieda fil-prezzijiet, li f’pajjiżna tinsab fuq fomm ħafna persuni u familji, qiegħda turi sinjali pożittivi fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro. Dan għax ir-rata kompilat nieżla fejn dik taż-Żona Ewro tinsab qrib ħafna ir-rata li kien stabbilixxa il-Bank Ċentrali Ewropea jiġifieri dik ta’ 2 fil-mija. Ir-rata għax-xahar ta’ Ottubru għaż-Żona Ewro kienet ta’ 2.9 fil-mija.

Din ir-rata ta’ inflazzjoni hi l-inqas waħda li ġiet irreġistrata minn Lulju tas-sena 2021 ‘lhawn. Dan it-tnaqqis fir-rata ta’ inflazzjoni fiż-Żona Ewro hu attribwit għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija. Ir-rata ta’ inflazzjoni għal pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea baqgħet aktar għolja u għal Ottubru kienet ta’ 3.6 fil-mija.

Jekk wieħed janalizza sew din l-istatistika isib li l-fattur li kien qed iwassal għal tnaqqis fl-inflazzjoni kienu l-prezzijiet tal-enerġija. Il-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel għax-xahar ta’ Ottubru baqgħu b’żieda fl-inflazzjoni kif għamlu fix-xhur ta’ qabel. Filfatt f’Ottubru kien hemm żieda ta’ 7.4 fil-mija fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel. Din hi ftit inqas minn dik reġistrata f’Settembru għal prodotti tal-ikel li kienet żieda ta’ 8.8 fil-mija.

Interessanti hu l-fatt li fiż-żona Ewropa f’xahar wieħed biss, bejn Settembru u Ottubru kien hemm tnaqqis ta’ 1.4 fil-mija fir-rata ta’ inflazzjoni. Dik tal-Unjoni Ewropea kollha irreġistrat tnaqqis ta’ 1.3 fil-mija.

Jekk wieħed jieħu is-sitwazzjoni f’pajjiżna u l-istatistika ippubblikata u janalizza l-aħħar xhur isib li għax-xahar ta’ April ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna kienet incas minn dik taż-Żona Ewro u inqas minn dik tal-Unjoni Ewropea kollha f’salt. Filfatt għax-xahar ta’ April Malta kellha rata ta’ 6.4 fil-mija, b’dik taż-Żona Europa kienet 7 fil-mija u tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 8.1 fil-mija. Ġara iżda li minn Mejju ‘l quddiem is-sitwazzjoni bdiet tinbidel u fix-xhur kważi kollha apparti dak ta’ Awwissu, ir-rata ta’ inflazzjoni taż-Żona Ewro kienet inqasminn dik ta’ pajjiżna.

Fix-xahar ta’ Ottubru għall-ewwel darba, rajna ir-rata ta’ inflazzjoni tal-Unjoni Ewropea tkun aktar baxxa mir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta. Filfatt Malta għal Ottubru kellha rata ta’ 4.2 fil-mija u dik tal-Unjoni Ewropea kienet ta’ 3.6 fil-mija.

Din is-sitwazzjoni twassal għal diversi mistoqsijiet. Fost dawn hemm dik marbuta mas-suq komuni Ewropew hux qed jaħdem kif suppost f’pajjiżna. Għaliex f’pajjiżna barranin qegħdin naraw tnaqqis sew fl-inflazzjoni imma dik f’Malta nieżla b’mod aktar kajman? Il-kompetizzjoni qiegħda titħaddem sew f’pajjiżna, jew għandna monopolji li qegħdin iwasslu għal żieda fil-prezzijiet.

Għax ir-realtà x’inhi? Filħwienet qegħdin nibqgħu naraw prezzijiet jiżdiedu u mhu naraw ebda roħs jew tnaqqis fil-prezzijiet, il-ħwienet iż-żgħar qegħdin jippontaw is-swaba lejn xi importaturi u lejn xi distributuri għaż-żidiet fil-prezzijiet.

Se nibqgħu b’sitwazzjoni fejn allegatament ikollna min jibqa’ b’mod jew ieħor jikkontrolla is-suq? Se jibqa’ jkollna min allegatament jeżerċita saħħa li għandu fis-suq, biex negozji żgħar ma jkunux jistgħu jidħlu f’dak li hu kummerċ parallel, jiġifieri jġibu prodotti huma stess minn pajjiżi oħra Ewropej bi prezz irħas minn dak li jkunu qed jinbiegħu bih f’Malta? Se nibqgħu b’allegata sitwazzjoni fejn negozji żgħar iħossuhom intimidati minn xi wħud li jekk jidħlu f’kummerċ parallel u għalhekk iġibu prodotti bi prezz irħas minn barra, huma ikunu ibbojkottjati.

Hu fatt magħruf u stabbilit li kien hawn kumpaniji li ħadu l-okkażjoni mill-gwerra fl-Ukrajna biex iżidu l-profitti tagħhom.

Nemmnu li quddiem il-fatt li s-suq wieħed f’pajjiżna jidher li mhux jaħdem kif mixtieq u minn dak qegħdin ibatu iċ-ċittadini, nemmnu f’interventi biex ikun żgurat li s-suq intern jaħdem. Interventi li jaraw li ċ-ċittadini jieħdu l-benefiċċji tas-suq intern.

Ekonomija

Sport