Monday, December 30, 2024

L-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea… x’se jiġri?

Aqra wkoll

Minkejja li fl-aħħar xhur konna rajna kif l-inflazzjoni kienet qiegħda tonqos sew fl-Ewropa, fl-aħħar ġimgħat reġgħu bdew argumenti li kienu qegħdin jippuntaw lejn il-fatt li fix-xhur li ġejjin jista’ jkun hemm żieda mill-ġdida fl-inflazzjoni.

Dan minħabba l-fatt li għadhom hemm pressjonijiet fuq ii-prezzijiet b’mod partikolari fejn jidħol il-mod kif qegħdin jaġixxu kumpaniji u korporazzjonijiet kbar, fejn il-kilba għaż-żieda fil-profitti qiegħda toħloq pressjoni kbira fuq il-prezzijiet. Apparti dan hemm pressjonijiet ġodda fosthom kunflitti ġodda madwar id-dinja u dawn qegħdin joħolqu pressjoni fuq il-prezzijiet.

Ovvjament din l-inċertezza ġdida fuq il-prezzijiet, hi ta tħassib l-aktar għan-negozji u l-familji. Sa issa ftit li xejn hemm indikazzjonijiet ċari ta’ x’se jiġri fix-xhur li ġejjin. Għalkemm it-tama hi li l-inflazzjoni tibqa’ taħt kontroll.

It-tħassib ta’ bħalissa fl-Unjoni Ewropea hu li l-prezzijiet jistgħu jerġgħu jibdew jiżdiedu minħabba fost oħrajn l-inċertezza fil-Baħar l-Aħmar. Hemm bastimenti li qegħdin jevitaw din ir-rotta u dan b’konsegwenzi negattivi kemm fuq in-negozju u l-wasla tiegħu u anke l-prezzijiet. Fil-fatt hu kkalkulat li t-traffiku maritimu mill-Baħar l-Aħmar fl-aħħar jiem naqas b’xejn inqas minn 20 fil-mija. Dan sar fi żmien xahar.

Irridu ngħidu li sa issa minkejja li hemm ammont ta’ bastimenti li qegħdin jevitaw il-Baħar l-Aħmar, dan għadu mhux qed ikollu impatt fuq il-prezzijiet ta’ prodotti fl-Ewropa. Lanqas fuq il-prezzijiet tal-enerġija ma kien hemm impatt.

Dan imma qiegħed iħalli impatt fuq il-prezzijiet tat-trasport. Mindu beda il-kunflitt fil-Baħar l-Aħmar kien hemm kumpaniji marittima li żiedua l-prezzijiet tagħhom f’xi każi anke b’200 fil-mija. L-impatt ekonmiku fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi se jiddependi minn kemm se ddum din il-kriżi u krizijiet oħra.

Aktar ma titwal il-kriżi fil-Baħar l-Aħmar, aktar se jikbru ir-riskji li l-prezzijiet jistgħu jerġgħu jibdew jogħlew. Są issa m’hemm ebda indikazzjoni meta din it-tensjoni fil-Baħar l-Aħmar se tieqaf.

Il-biża’ hu li jista’ jkollok negozji jew korporazzjonijiet kbar li jużaw din il-kwistjonijiet ta’ tensjoni fil-Baħar l-Aħmar biex jgħollu l-prezzijiet tagħhom. Din il-ħaġa diġa rajniha ssir ilu, metą bił-gwerra fl-Ukrajna rajna mewġa ta’ prodotti li għolew anke dawk lima kellhomx x’jaqsmu mal-Ukrajna jew ma’ żoni affettwati b’din il-gwerra.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li minn din il-parti tad-dinja jgħaddu xejn inqas minn 15 fil-mija tal-prodotti kollha madwar id-dinja. 30 fil-mija tal-kontejners jgħaddu minn din iż-żona.

Il-kwistjoni tal-Baħar l-Aħmar hi biss waħda mill-pressjonijiet li jeżsitu. Hemm pressjonijiet oħra li qegħdin jindikaw li jistgħu jwasslu biex jiżdiedu l-pezzijiet. Dawn il-pressjonijiet qegħdin iwasslu biex il-Bank Ċentrali Ewropew għalissa se jibqa’ bil-pożizzjoni li ħa, jiġifieri li għalissa ma jerġax ibaxxi ir-rati ta’ interessi, qabel ikun ċert li l-inflazzjoni hi taħt kontroll absolut.

Ekonomija

Sport