Friday, November 15, 2024

L-INFLAZZJONI… META SE TIKKALMA?

Aqra wkoll

Kull wieħed u waħda minnkom fl-aħħar xhur u ġimgħat esperjenzajtu iż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel. Magħom kien hemm ċaqlieq ukoll fil-prezzijiet tas-servizzi. Illum tista’ tgħid prodotti relatati ma’ xogħlijiet fid-dar, kostruzzjoni, ikel u affarijiet oħra kollha raw żidiet fil-prezz.  Waqt li ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel hu fenomenu li qed tesperjenzah id-dinja kollha u dan ħa rankatura mindu bdiet l-invażjoni tar-Russa fl-Ukrajna, hemm pajjiżi li qed jaffaċċjaw il-problema tal-prezzijiet tal-enerġija li għolew bil-kbir. Dawn qed jaffettwaw ukoll fabbriki u postijiet tax-xogħol.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-konsumaturi anke f’pajjiżna qegħdin jaraw kif se jilqgħu għaliha. Kulħadd bil-mod u fiċ-ċirkostanzi tiegħu. Min qed itella’ u jniżżel jekk isifirx, jekk joħroġx karozza ġdida u fuq kollox qed issir il-mistoqsija meta se tieqaf din ir-rankatura fill-prezzijiet. Domanda oħra li qed issir meta se tieqaf il-gwerra fl-Ukrajna. Domandi li għalissa għalihom m’hemm ebda risposta.

Il-biża’ u l-periklu li qed iħasseb lil ħafna hi dik ta’ x’se jkun l-effett fuq l-ekonomija jekk il-gwerra fl-Ukrajna ittawwal sax-xitwa. Diġa qegħdin nisimgħu b’analisti li qed jitkellmu fuq ekonomiji li jkollhom problema kbira biex ikampaw jekk il-gwerra ittul daqstant. 

L-Unjoni Ewropea qed tipprova tilqa’ għal dan u proprju fl-aħħar jiem il-Bank Ċentrali Ewropew indika biċ-ċar li se jkun qed imur għas-soluzzjoni ta’ żieda fl-imgħaxijiet għad-depożitu. Soluzzjoni li hemm min hu mħasseb dwarha, għalkemm il-konsumaturi jistgħu jarawha attrajenti.

It-tħassib hu ġej mill-fatt li żieda fir-rati ta’ interessi  twassal biex is-self u l-ħlas ta’ imgħaxijiet fuqu jiżdiedu ukoll. Dan iwassal biex is-self ikun aktar għali. Hemm tħassib li sitwazzjoni simili twassal biex kumpaniji, negozji u fabbriki inaqqsu l-investiment tagħhom. Mhux biss imma l-konsumaturi jibdew jonfqu inqas. Riżultat ta’ dan it-tkabbir ekonomiku u t-tkabbir tal-impjiegi jibda jimxi b’rata aktar kajman. 

L-effett ta’ dawn id-deċiżjonijiet li se jkunu qed jittieħdu mill-Bank Ċentrali Ewropew jaffetttwa lil kull pajjiż bla ebda distinzjoni. Hemm pajjiżi li se jintlaqtu aktar minn oħrajn, b’mod partikolari dawk li t-tkabbir ekonomija tagħhom hu wieħed kajman.

Nemmnu li pajjiżna għandu jżomm għajnejh miftuħin b’mod partikolari fejn jidħol l-investiment.  Tnaqqis fl-investiment kawża ta’ żieda fl-interessi, jaffettwa ħażin lill-ekonomija tagħna, li hi ekonomija bi tkabbir b’saħħtu fiż-żona Ewro.

Nemmnu li l-Gvern għandu jkun ukoll għajnejh miftuħin biex jiġġieled ftehim li jista’ jkun hemm bejn kumpaniji rivali dwar il-prezzijiet tagħhom.

Minkejja dak li għaddej fl-Ewropa, pajjiżna għandu t-tieni lanqas rata ta’ inflazzjoni fiż-żona Ewro. Jekk nieħdu l-prezzijiet tal-fjuwils naraw li l-prezzijiet tagħna huma fost l-irħas. Minkejja dan, iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel qed taffettwa ħażin diversi kategoriji f’pajjiżna. F’ekonomija bħal tagħna li tiddependi ħafna mill-infieq domestiku, tnaqqis f’dan l-infieq minħabba tħassib u inċertezza mill-konsumaturi, jaffettwa b’mod negattiv ħafna lill-ekonomija.

Nemmnu li l-aħjar mod kif l-Unjoni Ewropea tiġġieled din l-inflazzjoni hu billi ssaħħaħ l-isforzi diplomatiċi biex tintemm din il-gwerra.

Ekonomija

Sport