M’hemm ebda dubju li min imur jixtri qed jibqa’ jesperjenza prezzijiet li għolew fl-aħħar xhur. Sidien ta’ negozji qegħdin jilmentaw li b’mod regolari qegħdin jinbidlulhom il-prezzijiet mill-aġenti. Xhur ilu kien intqal li sa bħal dan iż-żmien l-inflazzjoni kellha terġa’ tiġi lura għan-normal. Dan ma seħħx. Filfatt statistika proviżorja dwar l-inflazzjoni turi li għax-xahar ta’ Ġunju l-inflazzjoni kellha rata ta’ 5.5 fil-mija, li tfisser tnaqqis ta’ 0.6 fil-mija mix-xahar ta’ qabel. Rata li hi meqjusa għolja u trid titbaxxa ferm aktar biex tkun aċċettabbli. Minħabba din ir-rata għolja ta’ inflazzjoni, il-banek qed jibqgħu għaddejjin bil-pjani li jkomplu jżidu ir-rati ta’ interessi, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.
Il-mistoqsija li tibqa’ ssir hi kemm se ddum tippersisti l-inflazzjoni? Mhux kulħadd jaqbel kemm se ttul, għalkemm hemm ekonomisti li qegħdin jantiċipaw li rridu minn tal-inqas sal-bidu tas-sena li ġejja biex ir-rata tkun niżlet għal livelli aċċettabbli. Hemm oħrajn saħansitra ibassru li se jkun hemm bżonn aktar żmien sakemm ir-rata tal-inflazzjoni tiġi f’livell aċċettabbli.
Propju din il-ġimgħa kien hemm sinjal, li ta’ nifs u tama rigward l-inflazzjoni. Din kienet l-istatistika dwar il-prezzijiet industrijali fiż-żona Ewro, jiġifieri il-prezzijiet tal-fabbriki, fejn għall-ewwel darba sa minn Diċembru tas-sena 2020 kien hemm tnaqqis fl-istess prezzijiet.
Mill-istatistika ħareġ li l-prezzijiet industrijali fl-20 pajjiż taż-żona Ewro naqsu b’1.5 fil-mija għax-xahar ta’ Mejju. It-tnaqqis seħħ l-aktar bi tnaqqis sostanzjali ta’ 13.3 fil-mija fil-prezzijiet fil-qasam tal-enerġija.
Dan is-sinjal qiegħed jiġi interpretat bħala li qed juri li hemm prospetti tajbin li l-inflazzjoni tkompli tonqos fix-xhur li ġejjin biex b’hekk tersaq aktar qrib it-2 fil-mija, li hu l-livell stabbilit mill-Bank Ċentrali Ewropew dwar ir-rata tal-inflazzjoni.
Wieħed imma ma jistax ma jistaqsix imma dan it-tnaqqis fil-livell tal-prezzijiet xi jfisser għal produtturi. Filfatt il-produtturi irreġistraw tnaqqis fil-produzzjoni u kollox jindika li dan it-tnaqqis se jkompli.
M’hemm ebda dubju li dak li qegħdin naraw jiġri fil-qasam industrijali kemm f’dik li hi produzzjoni u anke prezzijiet turi li sezzjonijiet tas-settur industrijali qegħdin jibdew jirreaġixxu b’mod negattiv għaż-żieda fir-rati ta’ interessi, liema rati ta’ interessi żdiedu minħabba l-inflazzjoni. It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ turi id-domanda dgħajfa.
X’se jiġri fix-xhur li ġejjin mhux faċli wieħed jgħid. Kollox jiddependi minn ħafna fatturi fosthom iċ-ċirkostanzi dinjin. Illum aktar minn qatt qabel qiegħed ikun ukoll stabbilit li parti sostanzjali mir-rata ta’ inflazzjoni hi ġejja minn żidiet fi profitti minn kumpaniji kbar.
Diversi gvernijiet qegħdin jibdew jirreaġixxu għal dan biex jipproteġu lill-konsumaturi tagħhom. Gvernijiet oħra jemmnu li m’għandhomx jintervjenu. Kollox ma’ kollox, sa issa jibqa m’hemm ebda ħjiel meta r-rata ta’ inflazzjoni se tirritorna għal livelli aċċettabbli.