Sunday, December 22, 2024

L-INFLAZZJONI TONQOS SEW

Aqra wkoll

M’hemm ebda dubju li fl-aħħar ġimġħat wara ħafna xhur, rajna l-kompetizzjoni fil-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel. Rajna prodotti li bdew komparat mal-jiem u ġimgħat ta’ qabel jitnaqqsu fil-prezz. Jekk wieħed idur il-ħwienet kemm ħwienet kbar u anke ħwienet żgħar wieħed jista’ jara tentattivi biex prezzijiet jitnaqqsu. Dan qed isir kemm għax inħarġet inizjattiva mill-gvern kif ukoll għax l-istess konsumaturi kienu qegħdin iħossu l-effett tal-inflazzjoni u apparti it-tgergir kien hemm min beda jżomm lura anke mill-konsum.

Dan it-tnaqqis wieħed jista’ jarah kulħadd. Ovvjament domandi jitqajmu diversi fosthom għaliex ċerti prodotti qed jitraħħu u oħrajn le. Għaliex tara xkaffa sħiħa bi prodott partikolari li naqas fil-prezz u prodotti oħra simili tal-istess kumpanija baqgħu bil-prezz kif kienu qabel. Il-pubbliku qiegħed jinnota dan u qed jirreaġixxi għal dan, għax xi drabi dawn l-ixkafef bi prezzijiet imraħħsa qegħdin jitbattlu ħafna aktar malajr.

Jidher li għadu kmieni biex wieħed jgħid kif din il-kompetizzjoni affettwat l-inflazzjoni. Li hu żgur hu li stimi proviżorji maħruġa mill-aġenzija tal-statistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, jindikaw li għax-xahar ta’ Frar kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-inflazzjoni f’pajjiżna. Dan hekk kif r-rata tal-għoli tal-ħajja hi antiċipata li naqset minn 3.7 fil-mija f’Jannar għal 3.1 fil-mija.

Wieħed irid jirrimarka li t-tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna kienet l-akbar minn fost il-pajjiżi Ewropej, bi tnaqqis ta’ 0.6 punti perċentwali, jew tliet darbiet it-tnaqqis medju osservat madwar iż-Żona Ewro. Ta’ min jinnota li bejn Awwissu u Jannar ir-rata ta’ inflazzjoni madwar iż-Żona Ewro kienet naqset b’2.6 fil-mija, filwaqt li f’pajjiżna kienet naqset bin-nofs, jew b’1.3 fil-mija. Dan kien jirrifletti l-aktar il-fatt li f’pajjiżna r-rata ta’ inflazzjoni fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel baqgħet tiżdied filwaqt li kienet nieżla madwar l-Ewropa.

Jew wieħed jifli dak li qed tgħid il-Eurostat fl-istimi proviżorji, wieħed isib faċilment li din mhix tindika l-kawżi wara t-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni ta’ pajjiżna fi Frar. Biss fi Frar bdiet titħaddem l-iskema ta’ Stabbiltà, li permezz tagħha kien hemm roħs f’aktar minn 400 prodott essenzjali tal-ikel. Jista’ jkun li din l-iskema wasslet għal dan it-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni, li huwa t-tieni l-akbar tnaqqis osservat fl-aħħar sitt xhur. Ta’ min jinnota wkoll li l-fatt li l-Gvern dejjem żamm il-kontijiet tal-enerġija stabbli, allura ma jkunx reġistrat tnaqqis f’dak is-settur għax ma tistax tnaqqas minn fejn ma żdied xejn.

Waqt li wieħed jista’ jara din iż-żieda fil-kompetittività u kompetizzjoni biex jitnaqqsu ċertu prodotti, xorta waħda jibqa’ l-punt li għad hemm sezzjonijiet sħaħ ta’ prodotti li għadhom mhux jintlaqtu minn din il-kompetizzjoni. Wieħed jittama li din ix-xejra ta’ kompetizzjoni minn ħwienet tkompli u timxi ukoll għal prodotti oħra.

Ekonomija

Sport