Friday, November 15, 2024

L-INFRASTRUTTURA U L-ISTRATEĠIJA EKONOMIKA

Aqra wkoll

Ilkoll kemm aħna nintlaqtu b’mod dirett u anke indirett mill-qasam infrastrutturali ta’ pajjiżna.  Huwa wieħed mis-suġġetti li spiss ikun fil-qalba tad-diskussjoni politika f’pajjiżna. Huwa fil-qalba tal-ħidma għal livell ta’ għajxien aħjar għal kull wieħed u waħda minna, u għalhekk huwa intrinsikament marbut ma’ kemm pajjiż jimxi ‘l quddiem u jsaħħaħ l-bażi ekonomika u soċjali tiegħu. Huwa wkoll fil-qalb tal-ambizzjonijiet u l-aspirazzjonijiet tal-gvern biex ifassal il-Malta ta’ għada. Malta li tiffoka l-pjan soċjali u ekonomiku fuq infrastruttura ta’ eċċellenza.

Għalhekk, meta wieħed jikkunsidra l-importanza ta’ infrastruttura moderna, wieħed jirrealizza wkoll l-importanza li jsir żvilupp għaqli u maħsub sew f’dan il-qasam. Huwa għalhekk li Gvern Laburista investa f’infrastruttura li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, saħħet l-aċċessibiltà f’kull belt u raħal f’Malta filwaqt li ħolqot bilanċ sostenibbli bejn l-impatt ambjentali u n-neċessitajiet tal-poplu Malti u Għawdxi. 

Ħafna sar tul dawn l-aħħar snin u ħafna qed isir biex titwitta l-Malta li trid timplimenta l-istrateġija ekonomika tagħha għall-10 snin li ġejjin. 

Huwa għalhekk li t-tlestija ta’ proġetti infrastrutturali kbar f’żoni partikolari tal-pajjiż fejn l-aktar li kien jinġemgħa t-traffiku, qegħdin jagħtu l-frott tagħhom fosthom is-Central Link, investiment ta’ €55 miljun li qed isarraf f’50% inqas ħin ta’ vjaġġar u 66% inqas tniġġis tal-arja. 

Ta’ min wieħed isemmi wkoll il-proġett tal-underpass tal-Imrieħel kif ukoll il-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop li se jagħmel aċċess aħjar għaż-żona ta’ madwar l-ajruport. Hemm ukoll il-pont innovattiv ta’ 110 metri fi Blata l-Bajda għall-ivvjaġġar bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota aktar sigur u aktar komdu bejn il-Ħamrun, il-Marsa u l-Floriana. Tajjeb ukoll insmmu l-pjan ambizzjuz ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Din il-viżjoni se ssir f’disa’ żoni ta’ dan il-port, li sar wara studju u konsultazzjoni ma’ esperti lokali u internazzjonali, f’dawn l-aħħar snin.

Però l-gvern ma waqafx hemm. Il-gvern qed jara li dak li sar ikollu legam fit tul u huwa għalhekk li wara li riċentament inqeleb bawżer fi Triq Belt il-Hażna, Infrastructure Malta assenjat minnufih kuntrattur biex jinbdew ix-xogħlijiet t’emerġenza meħtieġa li jirrikjedu li parti mit-triq titqaxxar u terġa’ tinkesa b’asfalt ġdid. Dawn ix-xogħlijiet se jitħallsu mit-terzi li kienu involuti fl-inċident. 

Dan huwa approċċ għaqli mill-Gvern li qed jara li t-titjib fil-kwalità tat-toroq f’pajjiżna ma tkunx biss waħda kożmetika imma li tħares fit-tul biex verament Malta ikollha infrastruttura mill-aqwa u li timxi pari passu mal-ambizzjonijiet tal-gvern.

Ekonomija

Sport