Friday, November 7, 2025

L-infurzar u l-monitoraġġ fil-ġbir tal-iskart fil-Belt u s-Swieqi … parti minn proġett pilota f’dawn iż-żewġ lokalitajiet

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta se jkunu qed jikkollaboraw bejniethom biex isaħħu l-infurzar u l-kordinament sew fuq short term rentals kif ukoll fuq l-operaturi kummerċjali liċenzjati mill-Awtorità. 

Din il-kollaborazzjoni qed issir fil-kuntest ta’ proġett pilota fejn il-Gvern bl-appoġġ ta’ diversi Ministeri jassisti lill-Kunsilli Lokali jwettqu dak li huma jħossu li hu l-aħjar għar-residenti tagħhom. Dan il-proġett pilota qiegħed isir fil-Belt Valletta u fis-Swieqi bħala bidu u jekk iħalli r-riżultati mixtieqha, jiġi estiż għal lokalitajiet oħra wkoll. 

Kemm fil-Belt Valletta kif ukoll fis-Swieqi, il-ġbir tal-iskart kien fost l-aktar suġġett li jeħtieġ azzjoni dwaru fiż-żewġ lokalitajiet. Dan ġie rrimarkat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg fil-Parlament meta kien qed jitkellem dwar l-estimi finanzjarju tal-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli. 

Id-Deputat Prim Ministru semma kif fil-Belt Valletta qed jiġu esplorati diversi azzjonijiet fosthom f’dak li jikkonċerna l-ġbir ta’ skart residenzjali. “Naħsbu li l-Kunsill Lokali għandu r-raġunijiet validu tiegħu li jixtieq ġabra addizzjonali tal-ġbir tal-iskart sabiex ikun żgurat li l-Belt Kapitali jkollha r-riżorsi meħtieġa,” huwa żied jgħid. 

Kompla billi staqsa “il-Kunsill Lokali m’għandux ikollu s-setgħa jiddiskuti u jillimita l-għoli tal-vetturi li jistgħu jidħlu fil-Belt Kapitali tagħna ħalli nħarsu l-infrastruttura tal-Kapitali?”.

Dwar l-infurzar u l-monitoraġġ, id-Deputat Prim Ministru qal li hemm bżonn ta’ aktar ħidma sabiex jiġi infurzat il-ħinijiet tal-ġbir tal-iskart, mal-kuntrattur eżistenti u oħrajn. Huwa tenna li: “jeħtieġ inżidu riżorsi fil-Belt Valletta b’kollaborazzjoni mal-Valletta Management Plan b’tagħmir aħjar u aktar ħaddiema li jżommu t-toroq u l-ispazji tagħna nodfa.”

Dwar is-Swieqi qed jaraw li jaħdmu fuq tmien azzjonijiet. Tqajjem il-punt dwar il-ġarr liċenzjat tal-iskart tal-kumpaniji tat-tindif, dawk li jaħdmu biex inaddfu l-appartamenti u għaldaqstant il-ħidma li trid issir mal-Ministeru tal-Ambjent sabiex dan ikun jista’ jiġi permess.

Id-Deputat Prim Ministru semma kif “proġetti ta’ proprjetajiet ġodda li se jintużaw bħala STRs, se jintalbu jkollhom kamra apposta fejn jinħażen dan l-iskart. STRs eżistenti jkollhom perjodu ta’ sentejn sabiex ikunu konformi ma’ dan ir-rekwiżit. Qed nirreferi biss għal-lokalità tas-Swieqi u jekk taħdem u taħdem tajjeb eventwalment nestenduhom ma’ lokalitajiet oħra.

“Skambju ta’ tagħrif u kordinazzjoni. L-MTA u l-Kunsill ikollhom iżjed tagħrif li jinqasam bejniethom fuq infurzar u monitoraġġ b’rabta mal-immaniġġjar tal-iskart mill-STRs. 

“Li jiġi identifikat post għad-depożitu tal-iskart. Ikun hemm proċess mal-Awtorità tal-Artijiet ħalli nsibu post fis-Swieqi li jkun jista’ jintuża għad-depożitu temporanju tal-iskart b’mod kontrollat għal dawk l-STRs li għandhom liċenzji u kumpanja tat-tindif.

“Irridu naħdmu għal pjan għall-immaniġġjar tal-iskart minn kull STR. Allura meta wieħed japplika għal liċenzja ġdida naraw illi jkollu l-iswirl room, l-operat ta’ min se jiġbor l-iskart tiegħu u kif u fejn se jwasslu fil-post identifikat.

“Irridu naraw li jkun hemm arranġament alternattiv għal dawk li ma jistax ikollhom l-iswirl room, jew permezz ta’ kuntrattur privat jew skont il-ħtieġa,” kompla jispjega Dr Borg li fisser kif dawn huma diskussjonijiet li għadhom għaddejjin.

Id-Deputat Prim Ministru temm jgħid li “rridu nsaħħu l-monitoraġġ tal-ġbir tal-iskart mill-kuntratturi eżistenti fl-istess waqt tiżdied s-sistema ta’ kameras ta’ sorveljanza lli anke jnaqqsu riskju ta’ kriminalità u mġiba ħażina. Qed naħdmu biex jiżdiedu rondi tal-pulizija sabiex ikun hemm iżjed ordni fil-lokalità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport