L-Ingilterra se tkun qed tibqa’ għaddejja bil-programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19 anke f’Jum il-Milied, f’tentattiv li tiġi kkontrollata l-imxija ta’ varjant ġdid tal-virus li qed jinfirex fil-pajjiż.
Ħaddiema tas-saħħa qed jippreparaw biex ikomplu bit-tilqim matul il-ġimgħa sħiħa, anke f’dawk iż-żoni fejn ġew imposti restrizzjonijiet ġodda. L-għan ta’ dan huwa li jinżamm il-progress mgħaġġel li qed isir fil-ġlieda kontra l-pandemija mindu l-Ingilterra bdiet l-ewwel programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19 fid-dinja.
Madankollu tobba u ħaddiema oħrajn fis-settur tas-saħħa bdew jesprimu t-tħassib tagħhom li r-rata attwali ta’ vaċċinazzjoni diffiċilment se tibqa’ tinżamm hekk kif kellhom jitħassru appuntamenti ma’ pazjenti li qed jirċievu kura kontra l-kanċer u għal mard tal-qalb minħabba nuqqasijiet ta’ infrastruttura u riżorsi umani.
Ilbieraħ kien żvelat li aktar minn 350,000 persuna ġew ħadu t-tilqima ta’ Pfizer/BioNTech kontra l-Covid-19 fl-Ingiletrra, hekk kif qed tikber it-tama li l-vaċċin tal-Unversità ta’ Oxford jiġi approvaw sal-aħħar tas-sena.
Il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson qal li l-vaċċin ta’ Oxford se jkun qed jagħmel differenza kbira minħabba li l-pajjiż għandu biżżejjed vaċċini ta’ Pfizer sal-aħħar ta’ Jannar, bil-kunsinja l-oħra mistennija li tasal f’Marzu.