Mis-sena skolastika li jmiss, l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika mhux se jibqgħu tliet suġġetti obbligatorji sabiex wieħed ikun eliġibbli biex jattendi l-Junior College. Minflok, qed jiġi mitlub li tal-inqas, minn sitt suġġetti, l-istudenti jkunu kisbu Grad 5 / C fl-Ingliż, fil-Malti jew fil-Matematika.
Ħabbret dan il-Junior College f’pubblikazzjoni online li fiha elenkat tibdil fir-rekwiżiti għal dawk l-istudenti li se jkunu qed jattendu f’dan il-kulleġġ fis-sena skolastika li jmiss.
Sa din is-sena, dawk l-istudenti kollha li kienu eliġibbli sabiex jattendu l-Junior College kienu mitluba li tal-inqas ikollhom sitt suġġetti fejn ikunu kisbu marka li tal-inqas tkun ta’ Grad 5 / C. Tlieta minn dawn is-suġġetti riedu jkunu l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika — infatti dawn kienu meqjusa bħala core subjects.
Madankollu l-istudenti li jidħlu mingħajr ma jkollhom it-tliet suġġetti ewlenija (Il-Malti, l-Ingliz u l-Matematika), jeħtiġilhom li jiksbu dawn is-suġġetti sakemm itemmu s-sentejn studju tagħhom fil-Junior College għaliex dawn is-suġġetti xorta huma meħtieġa biex wieħed jidħol l-Università.
Filwaqt li dawk fuq probation isegwu lezzjonijiet fil-Livell Avvanzat u Intermedjarju tal-għażla tagħhom mgħallma mil-letturi tal-Junior College, se jiġu offruti lezzjonijiet apposta minn għalliema differenti biex iħejjuhom għall-eżamijiet tas-SEC fis-suġġett jew suġġetti li jkun jonqoshom jakkwistaw.
L-Univerisità qalet li r-raġuni għal dan it-tibdil hi sabiex jonqsu kemm jistgħu n-numru ta’ studenti li jibqgħu barra mill-istudji b’riżultat li jista’ jittappan il-futur tagħhom.