Tuesday, April 22, 2025

L-ingredjent sigriet tas-suċċess ta’ Birzebbugia SP huwa l-għaqda u l-pożittivitá ġewwa l-iskwadra sħiħa – John Paul Gialanze

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ġenwinament minn meta kont insegwi l-futbol ma’ missieri u konna mmorru naraw lil ħija l-kbir jilgħab ma’ Zabbar St Patrick. Dejjem segwejt il-futbol nazzjonali u internazzjonali u kont nipprattikah ukoll imma sfortunatament ma kellix karriera twila bħala plejer tal-futbol u ntenni li sfortunatament għas-sempliċi raġuni li l-unika passjoni għal qalbi dejjem kienet il-logħba tal-futbol.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala wieħed mill-assistant coaches ta’ Birzebbugia SP FC.

Ir-rwol tiegħi bħala wieħed mill-assistenti tal-kowċ Edgar Degabriele huwa li nassisti fis-sessjonijiet ta’ taħriġ u flimkien mal-assistant coach l-ieħor Claude Carbonaro nlestu l-iskwadra kemm biex ikollhom taħrig kemm jista’ jkun professjonali kif ukoll biex ikunu fiżikament u tattikament preparati. Mill-banda l-oħra aktar fuq element individwali nieħu ħsieb li nipprepara l-iskwadra mil-lat psikoloġiku. Nanalizza wkoll il-logħob tal-iskwadri li nkunu se nilagħbu kontrihom u anke xi titjib li l-iskwadra tagħna jkollha bżonn ittejjeb kemm individwalment kif ukoll bħala tim.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Edgar Degabriele?

Kuljum, għandna relazzjoni li nemmen hi simpatika, inqisu bħala kollega u l-mexxej tagħna fejn jiggwidana għall-aqwa suċċess.  Dan speċjalment għat-tliet sigħat kuljum fil-ħin tal-futbol, mal-bqija tal-ġurnata nħobbu daqslikieku kien persuna mill-familja tiegħi u naf li din l-imħabba u dan ir-rispett huma reċiproċi. Ilna naħdmu flimkien issa għal madwar ħames snin u għaddejna mill-agħar għall-aħjar sitwazzjonijiet flimkien, minn relegazzjoni għal tliet suċċessi ma’ skwadri differenti f’temp ta’ ftit żmien. Tista’ tgħid li qed nikbru flimkien kemm fl-età u kif ukoll fl-esperjenza tal-futbol, li hu għandu ħafna u ħafna x’joffri minn din tal-aħħar. Ikollna dibattiti jaħarqu ħafna u anke argumenti imma dan biss għaliex inkunu rridu noħorġu l-aħjar prodott personali u l-aqwa riżultat għall-iskwadra.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara I-ksib tal-promozzjoni għall-BOV Challenge League bħala Champions tan-National Amateur League 1?

Nemmen li issa l-ingredjent għas-suċċess ta’ Birzebbugia SP FC huwa magħruf u magħruf sew mal-pubbliku, li dan l-ingredjent sigriet huwa l-għaqda u l-pożittivitá ġewwa l-iskwadra sħiħa mill-president Joseph fenech sal-inqas persuna tal-iskwadra li nista’ nkun jien. L-iskwadra, il-benjamini tagħna fehmu l-filosofija u l-ideat tagħna u għamlu l-aħjar tagħhom biex ħarġu l-aqwa riżultat minnu u kulħadd kellu tir wieħed li xtaqna niksbu l-promozzjoni u t-titlu u bilmod u b’xogħol kawtel kulħadd qabad jerġa’ jemmen. Il-preparamenti għall-partiti saru b’mod professjonali u b’attenzjoni għad-dettall, speċjalment għall-partitissima tal-Ħadd 13 ta’ April kontra Vittoriosa Stars FC, fejn sibna skwadra tajba ħafna b’individwi u staff bravu u ta’ stoffa, fejn min hawn nixtieq nuri rispett kbir, għax bħal m’għidt lil xi membri ta’ din l-iskwadra tajna xow u partita sabiħa għall-bniedem newtrali.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti nemmen li għandu fejn jitjieb u din mhux sempliċi kritika biex bniedem ikun kritiku imma l-Malti tant għandu mħabba profonda għal dan l-isport u tant huwa miktub fil-kulturá tal-pajjiż li ħaqqu ferm aħjar u dan irridu ntejbuh fil-kollettiv, imma rridu nibdew b’kull persuna jagħti aktar input f’dan l-isport u nibdew dan minn nurseries tal-klabbs u billi mmexxu t-tfal tagħna u dejjem nimbuttawhom biex itejbu l-livell tagħhom mingħajr ma naqtgħu toroq. Jekk nibdew minn hemm ikollna pedament sod minn fejn nitilqu.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Dan l-aħħar rajna ċertu titjieb f’ċerti grawnds u l-istrutturi tagħhom imma nemmen li għandu jsir titjib f’ċerti grawnds fejn il-logħob jintlagħab mal-lejl speċjalment rigward id-dwal tal-grawnds, kif ukoll nemmen li wasalna li ċerti grawnds irid ikollom dressing rooms professjonali u nibdew minn sempliċi ‘board’ fejn irid ikun ‘magnetic’, fejn l-istaff ikun jista’ jaħdem tajjeb u joffri l-aħjar servizz … il-bqija hawn ħafna persuni partikolari li minn hawn nirringrazzjahom tax-xogħol li jagħmlu għalina l-iskwadri biex inkunu nistgħu nsibu kollox preparat mill-aħjar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ma tantx inħobb inħares lejn il-futur u aktar inħobb ngħix il-preżent u kemm jista’ jkun nirbaħ titli mal-iskwadra li nkun qed naħdem magħha. Biss inħobb nagħmel tragward personali fejn għada pitgħada nixtieq li nkun qed immexxi skwadra fl-ogħla diviżjoni ta’ Malta u forsi jekk Alla jrid ukoll barra min xtutna. Imma dik hija ħolma li wieħed irid jahdem għaliha. Nimxu bil-kalma u pass pass mingħajr għaġla u kollox bil-ħin tiegħu.    

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Taqtgħu qalbkom qatt, wara l-maltemp dejjem jiġi l-bnazzi … għal kull problema hawn soluzzjoni kemm personali kif ukoll professjonali. Importanti li ma tieqaf titgħallem qatt għax  taf kemm taf dejjem tista’ titgħallem aktar bl-ikbar umiltá possibli. U għall-kowċis ta’ kull etá u li jikkowċjaw kwalunkwe etá dejjem nieħdu ħsieb il-plejers tagħna. Aħna rridu niftakru li qabel ma dawn is-sinjuri jew sinjorini huma plejers tal-futbol huma umani, għandhom il-problemi tagħhom personali u jekk kulħadd ikollu naqra paċenzja għalihom il-plejer dejjem ikabbar ir-rispett lejhom għax jifhem li qed iħoss u jifhmu … din naħseb hija l-bażi għas-suċċess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport