Saturday, December 13, 2025

L-inizjattiva “Rigal Bi Mħabba b’Differenza” b’risq l-annimali fis-santwarji f’pajjiżna, din is-sena mnedija wkoll f’Għawdex

Aqra wkoll

Waqt żjara li għamlu fl-iskola Primarja taż-Żebbuġ, fl-Iskola Santa Tereża Ta’ Kerċem u fl-Iskola Primarja tax-Xewkija, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien ma’ Dr Lydia Abela nedew l-inizjattiva “Rigal Bi Mħabba b’Differenza” f’Għawdex li din is-sena għall-ewwel darba ġiet estiża wkoll għall-gżira Għawdxija.

Din l-inizjattiva, li issa daħlet fir-raba’ sena tagħha, twieldet flimkien ma’ Jake Vella u taħseb għall-annimali fis-santwarji f’pajjiżna. Ingħaqdu wkoll f’din l-inizjattiva l-iskejjel primarja u l-Konservatorju tal-Isqof, fir-Rabat Għawdex sabiex ġabru ikel għall-annimali.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri stqarr li “Huwa ta’ sodisfazzjon għalina li din l-inizjattiva sabiħa din is-sena kienet estiża wkoll għal Għawdex u li llum flimkien ma’ Dr Lydia Abela żorna xi skejjel f’Għawdex li ppreżentaw l-għotjiet tagħhom.

Il-gżira tagħna għad għandha sens ta’ komunità kbir u m’għandix dubju li ‘Rigal Bi Mħabba b’Differenza’ se tkun xhieda ta’ kemm aħna l-Għawdxin għandna qalb kbira u impenn biex nieħdu ħsieb mhux biss lil xulxin, iżda wkoll lill-annimali fis-santwarji tagħna.”

Il-Ministru Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd jingħaqad flimkien għal dan l-għan sabiex inkomplu ngħinu lill-annimali fis-santwarji tagħna. Min-naħa tagħha, Dr Lydia Abela qalet li din l-inizjattiva tkompli turi l-valuri sbieħ ta’ solidarjetà u rispett lejn kull forma ta’ ħajja.

“Rigal Bi Mħabba b’Differenza mhijiex biss ġest ta’ għotja, iżda messaġġ qawwi ta’ empatija. Din l-inizjattiva hija ferm għal qalbi, hekk kif din kienet ħolma ta’ Jake Vella li rnexxielna nwettqu flimkien.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li issa ġiet estiża wkoll għal Għawdex u li qed naraw tfal, edukaturi u komunitajiet sħaħ jingħaqdu flimkien biex jgħinu lill-annimali abbandunati. Dawn huma l-valuri li rridu nrawmu fit-tfal tagħna, u rridu nkomplu nkunu l-vuċi għal dawk li ma jistgħux jitkellmu għalihom infushom.”

Min jixtieq jipparteċipa f’din l-inizjattiva jista’ jpoġġi prodotti tal-ikel għall-annimali jew prodotti relatati fil-Villa Rundle, ir-Rabat, Għawdex bejn il-5 u s-26 ta’ Diċembru 2025.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport