Thursday, October 3, 2024

L-inkjesta Sofia u ċertu ġurnaliżmu

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Frar 2024 kien pubblikat ir-Rapport tal-Inkjesta Jean Paul Sofia. Ir-rapport tqassam b’mod immedjat lill-mezzi kollha tax-xandir u anke ssejħet Konferenza Stampa mill-Prim Ministru Robert Abela li għaliha kienu mistiedna l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-inkjesta huma dawk li huma. Ir-reazzjonijiet għaliha wkoll huma dawk li huma. Mhux se nidħol fil-mertu tagħhom għalkemm bħal ħaddieħor għandi l-opinjoni tiegħi dwarhom.

Xtaqt nesprimi opinjoni differenti għalkemm konnessa mal-pubblikazzjoni u mal-konferenza stampa dwar l-inkjesta inkwistjoni. Xtaqt nitratta ċertu ġurnaliżmu li osservajt waqt li kienet għaddejja l-konferenza stampa.

M’hemm ebda dubju dwar l-importanza tar-Rapport tal-Inkjesta Sofia. Kienet inkjesta pubblika li tulha u għaliha seta’ attenda kulħadd. Inkluż il-mezzi kollha tax-xandir, hi liema hi l-forma tiegħu. Kien hemm rapporti ‘l hawn u ‘l hinn dwar dak li kien għaddej fis-seduti tal-inkjesta.

Fi tmiem l-indirizz mill-Prim Ministru dwar l-inkjesta u l-ġurnalisti kienu mistednin jagħmlu l-mistoqsijiet u stagħġibt b’li smajt minn uħud mill-ġurnalisti. Nittama li m’inix żbaljat u nittama wkoll li jekk segwejtu din il-konferenza stampa nnotajtu dak li nnotajt jien.

Innotajt sew jien li kien hemm ġurnalisti li għażlu li jistaqsu lill-Prim Ministru fuq suġġetti li kompletament ma kellhom x’jaqsmu xejn mas-suġġett? Possibbli li għal dawn il-ġurnalisti ma kien hemm xejn fir-Rapport tal-Inkjesta x’jistaqsu dwaru lill-Prim Ministru? Possibbli li għalihom suġġett ta’ tali importanza ma kienx jimpurtahom minnu jew jimpurtahom ftit li xejn? Possibbli li dawn il-ġurnalisti kien jimpurtahom biss li jkollhom aċċess għall-Prim Ministru biex jistaqsuh dwar affarijiet li ma kellhom x’jaqsmu xejn mas-suġġett? Possibbli li għandna mezzi tax-xandir li jaslu biex jesponu ġurnalisti tagħhom għal sitwazzjoni daqstant tal-biki?

Ħa ngħid x’kont nippretendi jien minn ċirkostanza bħal din. Ngħid dan minn esperjenza ta’ persuna li kont immexxi ġurnal ta’ kuljum. Nemmen li l-ġurnali, l-istazzjonijiet televiżivi u radjufoniċi, u kull mezz ieħor ta’ xandir, kellhom jallokaw ġurnalist, idealment tnejn, biex isegwu mill-bidunett is-seduti tal-inkjesta. Dan kemm għal skop ta’ rappurtaġġ kif ukoll għal tħejjija għal meta ssir il-pubblikazzjoni tar-rapport kif kien imwiegħed. B’dan il-mod l-istess ġurnalisti jkunu preparati tajjeb minn dak li jkunu semgħu direttament biex jibdew jibnu ‘dossier’ tal-inkjesta li abbażi tiegħu jkunu wkoll jistgħu jħejju x’ikollhom jistaqsu. B’hekk il-ġurnalist ikun f’pożizzjoni soda għall-mistoqsijiet tiegħu.

Minn dan kollu jiddispjaċini ngħid li rajt ftit li xejn. Imma l-agħar ħaġa kienet, fl-opinjoni tiegħi, li rapport ta’ inkjesta bħal dik mogħti lilek fuq platt u int, li ssejjaħ lilek innifsek ġurnalist, tagħżel li tinjorah u tagħmel mistoqsijiet fuq affarijiet totalment barra mis-suġġett. Irrelevanti l-importanza li seta’ kellu s-suġġett li għoġbok tistaqsi dwaru. Dak il-ħin ma kienx loku. Bħal donnu l-iskop kien li tipprova taqbad lill-Prim Ministru fuq sieq waħda.
Jiddispjaċini li jkolli ngħid li dan mhux ġurnaliżmu.
Xi ħaġa oħra li nnotajt, u li issa ili ninnotaha, kienet li jkollok ġurnalisti li jagħmlu l-mistoqsija bl-Ingliż u mhux bil-Malti meta min ikun qed jagħti l-Konferenza Stampa jkun indirizzaha bil-Malti, kif għamel il-Prim Ministru f’dan il-każ. Is-sabiħa hi li la darba segwejt u għamilt mistoqsija jew aktar minn waħda jfisser li kont fhimt x’ingħad. Allura għaliex tistaqsi bl-Ingliż? Is-sitwazzjoni ‘tiggrava’ għal tali ġurnalisti meta l-Prim Ministru, kif kien ġustifikat li għamel, wieġeb bil-Malti għal mistoqsijiet bħal dawn. X’jippretendu ġurnalisti bħal dawn, li l-Prim Ministru jwieġeb bl-Ingliż biex jiffrankalhom milli jkunu huma li jaqilbu għall-Ingliż dak li jkun twieġeb?

Meta se tikbru?
[email protected]

Minn Għawdex

Il-Ħadd, 11 ta’ Frar li għadda minn din il-paġna kont ilmentajt mit-telqa li hemm fit-terminus tal-karozzi fir-Rabat, Għawdex. Kont ktibt, fost affarijiet oħrajn, li monument ta’ tifla ttajjar il-ħamiem kien mitluq għal kollox bil-ħamiem ‘stendut’ fl-art. Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet innotajt li l-ħamiem reġa’ ‘beda jtir’. Tajjeb. Ma nafx imma jekk dik il-medda ħamrija hux se titħalla fl-istat żdingat li qegħda.

Sport