Wednesday, July 24, 2024

L-inkjesta VITALS

Aqra wkoll

Iċ-ċirkostanzi strambi li jduru mal-inkjesta dwar il-Vitals Global Healthcare u Steward Health Care li tmexxiet mill-Maġistrat Gabriella Vella ħolqu diskussjoni sħiħa. X’aktarx li l-aktar ċirkostanza stramba f’dan kollu hija dik taż-żmien li fih ‘tlestiet’ u ġiet preżentata din l-imbierka inkjesta. Eżatt mal-ftuħ tal-kampanja elettorali għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Għax ngħiduha kif inhi, u mingħajr ma nidħol fil-mertu tagħha, kemxejn stramba li proċess li ħa erba’ snin u nofs, mhux ġurnata, jitlesta eżattament f’jum it-tnedija tal-kampanji elettorali! Trid tkun daqsxejn bogħod mill-pjaneta li ngħixu fuqha biex ma tirrealizzax li se toħloq kontroversja bl-għażla tal-jum li fih tagħlaq rapport ta’ inkjesta.

Aktar u aktar meta tul iż-żmien li l-Maġistrat Vella kienet ilha għaddejja bl-inkjesta kien hemm diversi okkażjonijiet fejn kienu żvelati punti minnha. Punti li minnhom infushom kienu diġà ħolqu kontroversji.

Naħseb li kulħadd jiftakar fl-okkażjonijiet konnessi mal-proċess tal-inkjesta fejn sar kapital politiku. Naħseb li kulħadd jiftakar kif kien hemm min żvela l-jum u l-ħin li kellha ssir tfittxija fir-residenza privata tal-eks-Prim Ministru Joseph Muscat. Kien hemm saħansitra anke parti mill-midja tistenna. Naħseb li kulħadd jiftakar kemm-il darba kien hemm okkażjonijiet fejn ‘infurmawna’ x’se jsir.

Intenzjonata jew le, iċ-ċirkostanza ta’ meta ngħalqet l-inkjesta u ġie preżentat ir-rapport tagħha, fissret li l-kwistjoni kollha tniżżlet fil-livell ta’ dibattitu politiku. B’detriment, b’impatt fuq is-sens ta’ ġustizzja. Meta jsir dak li sar, meta l-ġustizzja ma tibqax segregata mid-dibattitu politiku jkun ferm diffiċli li ssir analiżi b’serenità u b’kalma.

Nistħajlek tgħidli: mhux bilfors li suġġett bħal dan se jitniżżel f’dan il-livell? Veru. Imma jekk qed tinnota l-għażla ta’ meta ‘tlestiet’ l-inkjesta u ġie ppreżentat ir-rapport tagħha wasslu biex kien hemm min qabeż fuq, ħataf, din iċ-ċirkostanza biex iwarrab is-suppost programm politiku li kellu għall-Elezzjioni tal-Parlament Ewropew u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Il-Partit Nazzjonalista rikeb kukkużejt fuq din iċ-ċirkostanza biex jimla’ il-baħħ, il-vojt komparat ma’ dak li qed joffri l-Partit Laburista.

Ma nafx jekk segwejtx l-Konferenza Stampa li ta l-Prim Ministru Robert Abela nhar it-Tnejn li għadda dwar is-suġġett. Il-Prim Ministru kellu u għamel sensiela ta’ mistoqsijiet validissimi dwar is-suġġett. Għamel spjegazzjoni ċara ħafna dwar l-andament tal-proċess mifrux fuq erba’ snin u nofs.

U għax sar hekk, u għax kien ilu jberraq dwar kif kien għaddej il-proċess u tqajmu diversi mistoqsijiet leġittimi dwaru, qamu l-‘friegħi’ kollha jipprotestaw. ‘Fergħa’ wara l-oħra jakkużaw b’intimidazzjoni u tfixkil fl-amministrazzjonital-ġustizzja. Dan għax sempliċiment isiru mistoqsijiet dwar dak li hu ovvju u ċar daqs il-kristall. Sadattant tajjeb ikun innotat li ebda ‘fergħa’ ma qamet meta kien ikun żvelat x’ikun għaddej waqt il-proċess tal-inkjesta. Żvelar b’dikjarazzjonijiet minn qabel u li oħroġ il-għaġeb iseħħu fil-konkret.

Li forsi mhux qegħdin jirrealizzaw dawk li l-Qrati tagħna rrendewhom f’torri tal-avorju għalihom, torri ta’ refuġju biex kemm jista’ jkun tiddgħajjef jew addirittura titwarrab ir-rieda tal-maġġoranza tal-poplu, huwa li b’għemilhom qegħdin kontinwament isammru musmar wara ieħor fit-tebut tal-fiduċja fil-qrati. Dan b’detriment għal ħidmet dawk fl-istess torri tal-avorju li ħidmiethom iwettquha skont il-ġurament tal-ħatra. B’ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd.
[email protected]

Is-sabiħ tal-FLIMKIEN

Naħseb li bħali nnotajt li aktar ma toqrob l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali aktar qegħdin jinbtu billboards mat-toroq tagħna biex jenfasizzaw messaġġi partikolari mill-partiti politiċi u anke fuq bażi individwali minn uħud mill-kandidati.

Ħaqqu kull tifħir u ħajr min minn ħdan il-Partit Laburista ħareġ bil-ħsieb li qegħdin narawh jispikka fil-billboards konnessi mal-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-ħsieb tal-FLIMKIEN. Il-billboards li qed nirreferi għalihom filwaqt li juru lill-kandidati Laburisti kollha flimkien, f’kull wieħed minnhom tingħata prominenza partikolari lil kandidat partikolari. Jispikka r-ritratt tiegħu jew tagħħa fost l-oħrajn. Il-firxa tal-billboards li qed nirreferi għalihom hija vasta, mal-pajjiż kollu, u allura ngħatat prominenza lil kulħadd indaqs.

Idea mill-isbaħ li twassal messaġġ ta’ ħidma flimkien, ta’ għaqda bejn il-kandidati kollha bl-appoġġ dirett tal-partit. B’hekk kulħadd ikun trattat l-istess. Il-ġibda għandha tkun kollettiva, billi jinġibed l-istess ħabel.

Il-bollards ta’ Ħ’Attard

Fit-3 ta’ Marzu li għadda minn din il-paġna kont ikkummentajt u ilmentajt li numru ta’ bollards fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard, li jservu ta’ indikaturi lis-sewwieqa dwar liema korsija għandhom isuqu fiha, kienu minxurin mal-art wara li ovvjament intlaqtu minn xi vettura. Kont ktibt li kont ili ninnotahom hekk ix-xhur u peress li deherli li ħadd ma ta kas tagħhom allura ġibthom għall-attenzjoni pubblika.

Għadda kważi xahar u kollox baqa’ kif kien u allura erġajt irrikorrejt għal din il-paġna fil-ħarġa tal-31 ta’ Marzu 2024. Fil-jiem li għaddew innotajt li s-sitwazzjoni ġiet rimedjata u twaħħlu bollards ġodda flok dawk li kienu sfaw għal tulhom mal-art. Ħajr lil min kien responsabbli biex s-sitwazzjoni inġabet għan-normal.
La qiegħed fiż-żifna nixtieq nerġa’ nappella biex kull tant żmien ma jkun qed isir xejn ħażin jekk il-bollards ta’ din ix-xorta jitnaddfu mill-ħmieġ kawżat mill-elementi naturali, peress li tali ħmieġ jillimita ħafna r-rifless ta’ dawl li jagħtu matul il-lejl. Grazzi mill-ġdid.

Ekonomija

Sport