Monday, November 17, 2025

“L-inklużjoni qatt ma tieqaf… kull pass ’il quddiem huwa rebħa għal kulħadd”

- Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport

Aqra wkoll

F’ġurnata mimlija emozzjoni fil-belt kapitali Spanjola Madrid, waqt konferenza organizzata mis-Society for European Social Services, ingħata rikonoxximent prestiġjuż lil wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa u rispettati fis-settur tad-diżabbiltà f’Malta: Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport. Fattur li ħalla impressjoni qawwija mhux biss fuq delegazzjonijiet Ewropej, iżda wkoll fuq il-komunità Maltija li għal snin twal rat fih figura ċentrali fl-iżvilupp tal-politiki u s-servizzi relatati mad-diżabbiltà.

Il-premju Leadership in Social Services jagħraf lill-mexxejja li b’viżjoni, dedikazzjoni u passjoni jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ eluf ta’ nies. Għal Scicluna dan l-unur ma kienx biss sorpriża, iżda wkoll mument ta’ riflessjoni fuq il-vjaġġ li għamel flimkien mal-professjonisti kollha li jaħdmu ħdejh. Din il-gazzetta ħaditlu wkoll il-kummenti dwar x’ifisser għalih dan ir-rikonoxximent.

“Dan mhux premju għalija personali, dan huwa għall-impjegati kollha li kuljum jagħtu qalbhom u ruħhom biex persuni b’diżabilità jingħataw is-servizzi li jistħoqqilhom. Huma l-qalb tas-settur u dan l-unur hu tagħhom ukoll,” jgħid b’umiltà.

Il-ħidma li jmexxi Oliver Scicluna mhijiex sempliċi. L-Aġenzija Sapport tappoġġja madwar numru kbir ta’ persuni b’diżabilità, b’firxa wiesgħa ta’ servizzi li joperaw matul il-ġurnata u anke bil-lejl. Dan jinkludi residenzi, ċentri ta’ bi nhar, servizzi ta’ appoġġ fil-komunità, kif ukoll assistenza lill-familji u carers.

Il-Gvern jilqa’ din il-missjoni b’investiment ta’ aktar minn €11-il miljun fis-sena biex jappoġġja mhux biss lill-Aġenzija, iżda wkoll lill-Assoċjazzjonijiet Mhux Governattivi li jaħdmu f’dan il-qasam. Minkejja dan, Oliver jenfasizza li “għad fadal ħafna x’jinbidel u jitjieb, għax is-settur jadatta u jikber mal-bżonnijiet tal-persuni u tal-familji tagħhom.”

Fil-konverżazzjoni tagħna, Scicluna jagħmel distinzjoni ċara ħafna li ħafna drabi tintilef fid-diskors pubbliku. “Inklużjoni mhix sempliċiment servizz. Hija esperjenza. Hija realtà li trid tagħti lill-persuna s-sens li hi parti mis-soċjetà daqs kulħadd.”

Jispjega li f’Malta sar ħafna progress, imma l-preżenza ta’ servizzi tajbin ma tfissirx li l-għan intlaħaq. “Meta nħarsu lejn pajjiżi oħra Ewropej, naraw li nistgħu nitgħallmu ħafna. Minkejja kollox, għad fadal ħafna xi jsir.”

Oliver Scicluna jaħseb li l-għerq tal-inklużjoni jibda bl-edukazzjoni. Jargumenta li jekk edukazzjoni tkun magħluqa, inġusta jew ma tipprovdix opportunitajiet reali, il-bibien għall-ħajja adulta jsiru iżjed diffiċli.

“Edukazzjoni inklussiva mhix biss taħriġ. Hija proċess li jsaħħaħ l-individwu, li jagħtih ċans li jkun parteċipant fis-soċjetà, fil-komunità, fl-impjieg u fl-isport.”

Din il-viżjoni hija fundamentali għax, kif jenfasizza Oliver, “edukazzjoni tajba tiftaħ il-bieb għal ħajja indipendenti u produttiva.”

Wieħed mill-punti li Scicluna jispjega b’ċerta preokkupazzjoni huwa dak tal-impjieg tan-nies b’diżabilità. Għalkemm sar ħafna xogħol bil-liġijiet u l-politiki, ir-realità turina li biss 2% tal-persuni b’diżabilità jinsabu fis-suq tax-xogħol b’qagħda regolari.

“Din hi sfida nazzjonali. Irridu nħeġġu lil dawk li jimpjegaw biex jaraw lil dawn il-persuni mhux bħala piż jew riskju, imma bħala potenzjal. Hemm ħafna li jistgħu jagħtu jekk jingħataw l-opportunità.”

Scicluna jgħid li l-mira trid tkun impjieg sħiħ għal kull min jista’ jaħdem. Dan mhux biss jiffaċilita l-indipendenza, iżda wkoll jinbena fuq sens ta’ rispett u valur personali.

Meta nitkellmu dwar it-tmexxija tiegħu fl-Aġenzija, Oliver jisħaq li l-iktar żewġ pilastri importanti huma tim b’saħħtu u viżjoni ċara.

“Nindirizzaw sfidi kuljum – xi kultant strutturali, xi kultant personali. Imma l-moviment tagħna dejjem jibqa’ wieħed: li ngħinu lill-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja mimlija dinjità u opportunità. Dan jista’ jsir biss b’tim li jemmnu fil-missjoni u li jħaddmu r-riżorsi kollha b’mod effettiv.”

Hu jżid ukoll li l-użu tat-teknoloġija, inkluż AI (Intelliġenza Artifiċjali), jista’ jkun katalist biex jitjiebu l-proċessi, il-monitoraġġ u l-kwalità tas-servizzi. “M’għandniex nibżgħu mill-innovazzjoni. Anzi għandna nħaddnuha.”

Għall-mistoqsija dwar x’għad hemm xi jsir, Oliver jagħti messaġġ ta’ tama iżda wkoll ta’ responsabilità.

“Inklużjoni mhix kompitu wieħed. Mhix proġett li jibda u jintemm. Hija missjoni kontinwa. Jeħtieġ li kull min jaħdem f’dan il-qasam jagħti 100% tiegħu, imma wkoll li l-pajjiż kollu jifhem li l-inklużjoni hija investiment fis-soċjetà, mhux f’grupp żgħir ta’ nies.”

Jitkellem dwar il-ħtieġa li pajjiżna jibqa’ eżempju fl-Ewropa, speċjalment f’oqsma bħall-edukazzjoni, impjieg u servizzi fil-komunità. “Nistgħu nkunu mexxejja mhux biss fil-kliem iżda fl-azzjoni. Irridu nkomplu nibnu fuq dak li ksibna u ma nħallux il-momentum jaqa’.”

Il-premju li rċieva Oliver Scicluna mhuwiex biss unur personali. Huwa xhieda ta’ approvazzjoni fuq xogħol ta’ komunità ta’ professjonisti, familji, u voluntiera li għal snin twal kienu u għadhom fuq quddiem nett fil-ġlieda għall-inklużjoni u d-drittijiet tan-nies b’diżabilità.

Huwa sinjal ċar lil Malta u lill-Ewropa li meta tmexxi b’passjoni, viżjoni u integrità, tibni settur aktar b’saħħtu, aktar uman, u aktar ġust.

U bħalma temm jgħid Oliver:

“L-inklużjoni qatt ma tieqaf. Hija triq li nimxu fuqha flimkien u kull pass ’il quddiem huwa rebħa għal kulħadd.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport