Thursday, December 26, 2024

L-inklużjoni soċjali u l-Kunsilli Lokali

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Li wieħed jiltaqa’ u jitħallat man-nies u jiffrekwenta postijiet u komunitajiet li jħossuhom parti minnhom, huwa importanti għal diversi fatturi, mhux lanqas minħabba rabtiet li jkun żviluppa ma’ persuni u l-istess komunitajiet. Dan għaliex il-komunitajiet jgħinu biex persuna ikun possibbli għaliha li tipparteċipa u tikkontribwixxi fuq livell soċjali, ekonomiku u kulturali fis-soċjetà. Fatturi li jżommuhom aktar b’saħħithom, fiżikament u mentalment minn dawk li jħossuhom esklużi u mhux daqstant siguri fil-komunità fejn jgħixu.

X’inhi l-inklużjoni soċjali?

Inklużjoni soċjali huwa meta jiġi assigurat li qed isir dak kollu possibbli biex kull resident li jgħix f’komunità, irrispettivament mill-istorja tiegħu, it-twemmin tiegħu, ġej minn fejn ġej, ikollu l-istess opportunitajiet sabiex jilħaq il-massimu possibbli fil-ħajja tiegħu. Dan ma jiġix waħdu. Dan iseħħ b’implimentazzjoni ta’ politika li timbotta ‘l quddiem aċċess ugwali għal kulħadd. Iseħħ ukoll billi min imexxi fuq bażi lokali, jipprovdi modi differenti kif kulħadd ikollu l-possibiltà li jipparteċipa fid-deċiżjonijiet kollha li b’xi mod jew ieħor jolqtu l-livell ta’ għajxien tiegħu.

Min huma dawk l-aktar vulnerabbli?

(i) Kultant issib min jgħid li jippreferi jgħix waħdu però l-istudji juru li persuni li jgħixu waħedhom, kemm b’għazla tagħhom jew inkella minħabba ċ-ċirkostanzi li jsibu ruħhom fihom, huma fost dawk l-aktar li jistgħu jħossuhom esklużi mis-soċjetà. B’mod naturali, il-fatt li ma tkunx qed tiltaqa’ man-nies, iwassal biex bla ma taf, tibda tiddistakka ruħek mill-kumplament tas-soċjetà,

(i) Grupp ieħor huma dawk il-persuni li għandhom barrier ta’ kultura u lsien. Hawn qed nitkellmu fuq komunikazzjoni ta’ kuljum u drawwiet. Persuni li ġejjin minn pajjiżi oħra, b’kultura u lsien differenti, huma fost l-aktar vulnerabbli li jistgħu jaqgħu f’din il-katergorija ta’ esklużjoni. Fatturi oħra li jorbtu magħhom jgħinu biex dan isir b’mod ferm aktar qawwi. Fost dawn insibu dawk ir-residenti li jkunu ostili għal nies barranin, dawk li ma jkunux jistgħu jifhmu l-lingwa u oħrajn b’xejra razzista. Dawn mhux biss jagħmluha diffiċli bl-azzjonijiet tagħhom imma wkoll b’tixrid kultant ta’ kliem ta’ stmerrija biex jippruvaw jikkonvinċu nies oħra jaħsbuha bħalhom.

(i) Persuni b’diżabilità wkoll jistgħu jkunu meqjusa f’din il-‘kategorija’. Dan minħabba l-fatt li bħal kull minoranza oħra fis-soċjetà, sfortunatament, kultant iridu jiġġieldu aktar minn oħrajn biex jaraw li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati. Biex jassiguraw li jkollhom l-istess opportuniajiet u aċċess bħall-bqija tas-soċjetà. Dan jinħass l-aktar f’persuni b’diżabbiltà ta’ età żgħira li kultant anki jkollhom jesperjenzaw ‘bullying’ fl-iskejjel fejn jattendu jew tul il-vjaġġ tagħhom lura d-dar. Naturalment, dan sforz in-nuqqas ta’ għarfien u injoranza ta’ dawk li suppost jippretendu li jafu aħjar. Mhux dejjem ikun faċli għal dawn in-nies li jersqu ‘l quddiem u jitkellmu u dan iwassal għal solitudni, li twassal għal esklużjoni mill-bqija tal-komunità.

(i) Bħal persuni b’diżabbiltà, l-istess jista’ jingħad għal persuni LGBTIQ+. Minkejja li pajjiżna għamel passi ta’ ġgant f’dan il-qasam, xorta waħda għad għandek nies fis-soċjetà, li jqisu lilhom infushom ‘normali’, li għandhom jistmerru jew jaraw f’dawl differenti lil dawn il-persuni. In-nuqqas ta’ tolleranza f’dan il-qasam għadha tinħass tant, li saħansitra, kultant għadek tiltaqa’ ma’ wlied li għadhom isibuha diffiċli jitkellmu b’mod onest u apert mal-ġenituri tagħhom aħseb u ara kemm jistgħu jagħmlu b’mod ħieles fil-komunità fejn jghixu.

(i) Bla dubju li ma’ dawn wieħed isemmi l-anzjani, speċjalment dawk li għandhom problema ta’ mobiltà. Dawn ħafna drabi jagħmlu sagrifiċċju kbir biex joħorġu jisimgħu quddiesa u forsi jixtru l-affarijiet ta’ bżonn, u jerġgħu lura fi djarhom bla ma jitkellmu ma ħadd. Sitwazzjoni li f’din l-età tista’ twassal għal kundizzjonijiet oħra li jistgħu jkunu fatali.

L-aħħar żewg gruppi li nixtieq insemmi huma l-ġenituri waħedhom, u dawk bi dħul baxx.

(i) Ġenituri li jrabbu tfal waħedhom, ħafna drabi jkunu ommijiet, għalkemm is-soċjetà qed tinbidel ukoll f’dan ir-rigward, jista’ jkun li jkunu aktar suxxettibbli biex b’mod naturali jiġu jew jibdew iħossuhom esklużi mis-soċjetà. Dan jiddependi ħafna wkoll mill-kultura ta’ dak il-lokal partikolari. Ħafna lokalitajiet żgħar, tista’ tgħid li kulħadd ikun jaf lil xulxin u l-istejjer ta’ xulxin. Meta persuna ġdida titfaċċa, u speċjalment jekk ikun ġenitur waħdu, malajr issib min jibda jfassal stejjer jew jibda jistaqsi biex isir jaf aktar dwar dak l-individwu. Mhux biss, persuna ma tħosshiex parti mill-komunità imma tibda tħoss li kull darba li tixref ‘il barra mill-bieb, kulma kull min jaħbat jiltaqa’ magħha, se jkollha tgħaddi minn ġudizzju, anki jekk fis-skiet tal-ħsibijiet tal-kumplament. L-istess it-tfal tagħhom, li f’okkażjonijiet bħal tagħlim tad-duttrina jew skola, jafu jiffaċċjaw tfal oħra iħarsu lejhom jew ma jinkluduhomx magħhom fil-logħob ta’ kuljum.(i) Fl-aħħar nett insibu dawk bi dħul baxx jew medju. Niftakar daqs aktar minn 20 sena jew 15-il sena ilu, f’lokalità partikolari fejn wieħed jaħseb li jgħixu nies ta’ ċertu livell u ċertu dħul finanzjarju tajjeb, kont għadek issib dawk il-ħwienet tal-merca tal-lokal u tisma’ nies jgħidu lis-sid sabiex iniżżel il-kont fuq ‘il-pitazz’, imbagħad iħallsu kollox fl-aħħar tax-xahar. Minkejja dan, dawn l-istess persuni kienu jibagħtu lil uliedhom skejjel privati biex meta jkunu jistennew it-trasport tal-iskola, ma jidhrux differenti minn tal-ġirien. Dan kienu jagħmluh propju għaliex kienu jibżgħu li huma jew it-tfal tagħhom jiġu ttimbrati u wara esklużi, mill-ħajja ta’ kuljum fil-komunità, allura kienu jridu jagħmlu sagrifiċċju akbar biex jidhru man-‘normali’ f’għajnejn is-soċjetà.

L-impatti tal-esklużjoni soċjali

Il-pandemija tal-COVID 19 uriet bl-aktar mod ċar kemm jistgħu jkunu koroh l-effetti tal-esklużjoni soċjali. Tul il-pandemija, minħabba t-tixrid tal-virus, fid-dinja kollha rajna pajjiżi jimponu d-distanza soċjali u l-iżolament sabiex il-l-istess virus ma jkomplix jinxtered. Dan wassal għal diversi nies fil-kategoriji li semmejt, sabiex ikollhom jiffaċċjaw sfidi oħra fosthom ta’ saħħa mentali. Assistejna għall-ikbar sfortuna fejn persuni għeżież tħallew waħedhom fl-aħħar minuti ta’ ħajjithom, jew oħrajn li kellhom jindifnu mingħajr ma jingħataw tislima xierqa.

Tfal u adulti, minn faxex differenti fis-soċjetà għadhom sal-lum iħossu l-effett ta’ din is-solitudni, min għal ħaġa u min għal oħra. Forsi tul il-pandemija, l-iżolament kien wieħed estrem imma għad għandek komunitajiet sħaħ li għadhom isibuha diffiċli li jintegraw magħhom nies li skont huma ‘ma jagħmlux parti mill-kultura tagħna’.

Studji juru li m’hemmx bżonn sitwazzjonijiet estremi bħalma kienet il-pandemija biex in-nuqqas ta’ inklużjoni soċjali twassal għal ċertu kundizzjonijiet ta’ mard jew kundizzjonijiet mentali fost l-oħrajn. L-istess studji jippruvaw kif l-inklużjoni, bil-kuntrarju tal-esklużjoni, twassal għal komunità aktar sana u komunità aktar partecipattiva.

Ir-rwol tal-Kunsill Lokali

X’inhu l-rwol tal-Kunsill Lokali quddiem dan kollu? Il-Kunsilli lokali għandhom tliet responsabbiltajiet li għandhom iħarsu lejhom bħala mexxejja lokali;

a) Jiżviluppa u jintroduċi numru ta’ miżuri li jhaddnu u jinkoraġġixxu l-inklużjoni fl-iżvilupp tal-lokalità,

b) Inaqqas u jelimina jekk inhu possibbli, żvantaġġi u ċirkostanzi li jwasslu għall-inklużjoni, u

c) Joħloq mekkaniżmi li jagħtu aktar vuċi lil dawn il-persuni u jgħin biex ikun hemm.

Dan jista’ jsir billi jkun hemm konsultazzjoni ma ‘stakeholders’ fid-diversi oqsma, bħal; ekonomija, is-soċjal, l-edukazzjoni, sabiex jiġu identifikati ‘policies’ li jistgħu jitħaddmu fuq livell lokali biex jiġi assigurat li kulħadd ikollu l-istess aċċess għal programmi, inizjattivi, programmi u attivitajiet li jsiru u fejn hemm nuqqas ta’ dawn, jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex dan jibda jsir.

Dan ma jkunx biss ta’ benefiċċju għal persuni nfushom imma wkoll għall-komunità fl-aktar sens wiesgħa tagħha, għaliex aktar ma jkun hemm involvement ta’ kulħadd aktar id-deċiżjonijiet meħuda jkunu jinkludu ħtiġijiet differenti. Aktar ma persuna tħossha inkluża u parti mil-lokalità, akbar ikun is-sens ċiviku u sens ta’ appartenenza. Dan iwassal għal residenti u komunitajiet aktar sereni.

Ekonomija

Sport