Friday, December 20, 2024

“L-inkwiet tal-Arċipriet ma kienx li mmut imma x’kienu se jagħmlu bija”

Żebbuġi jitkellem dwar l-esperjenzi li għex fi żmien l-interdett

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Minkejja r-rakkonti kollha li ħarġu minn anzjani bħali li qasmu l-esperjenzi li għexna fi żmien l-interdett, mhux faċli biex dak li jkun jifhem il-firda li kien hawn dak iż-żmien. Fost ħafna ġrajjiet li għaddejt minnhom kont avviċinat minn qassis li wera t-tħassib tiegħu dwar kif se jidfnuni f’każ li naqa’ u mmut. L-inkwiet tagħhom ma kienx li nweġġa’ jew għax immut, imma minħabba li dawk li kienu jimmilitaw fil-Partit Laburista kienu qegħdin jispiċċaw fil-miżbla”. Iddikjara dan Franġisku Bonnici magħruf aħjar maż-Żebbuġin bħala Ċikku s-Sagristan li fl-età ta’ 94 sena laqagħna fir-residenza tiegħu biex jirrakkuntalna dwar xi esperjenzi li għex f’dawk iż-żminijiet tal-interdett.

Ċikku qalilna li ma jinsa qatt meta kien għadu daqsxejn ta’ ġuvnott u kienu qegħdin jarmaw il-Knisja tar-raħal. Kien fl-għoli ħafna fuq sellum qisu zkuk tas-sulfarini li anke għalih kien pjuttost perikoluż aħseb u ara jekk jitla xi raġel fih persuna. Qalilna li kien innota xi nies iħarsu lejh u li wara għaraf lill-Arċipriet u persuna oħra li aktar tard skopra li kien qassis pajżan.

“Stennieni ninżel u lanqas tagħtu l-kuxjenza. Qalli kollox sew ġuvnott u jien weġibtu li iva safejn naf jiena. Reġa’ kompla qalli, “ma tibżax hemm fuq” u għidtlu li le imma li kont naf li qiegħed fil-periklu. Ma kienx sodisfatt u reġa’ tani s-salt u qalli kemm ninkwetaħ lill-Arċipriet jien u staqsejtu għalfejn. Qalli li l-Arċipriet qallu li kien jitħasseb x’kien se jagħmel li kieku xi ħaġa kienet tmur ħażin u naqa’ u mmut”, kompla Ċikku filwaqt li esprima reazzjoni mħallta ta’ dieqa u rabja bħal donnu li fi ftit minuti kien mar lura biex jgħix dak li kien għadda minnu għexieren ta’ snin ilu. Fakkar dwar l-iscouts, persuni mqabbdin mill-Knisja li kienu jilbsu bħal ċittadini normali imma kienu jirrappurtaw lil dawk li fost affarijiet oħra jmorru għall-attivitajiet organizzati mill-Partit Laburista. Mhux biss, dak iż-żmien l-ilma tax-xorb ma kienx bħal-lum u l-għajnijiet kienu jingħalqu biex dawk li jattendu għal dawn l-attivitajiet jaqtgħu qalbhom u ma jmorrux.

Kien għadu żgħir … kien influwenti u Mintoff baqa’ jiftakru

Rigward l-attivitajiet tal-Partit, Ċikku qalilna li kien fl-Eżekuttiv tal-partit. Tkellem li sa minn daqsxejn ta’ tifel kien attiv u wara li kien mistieden għall-Konferenza Ġenerali, waqt li bdew iressqu l-ilmenti staqsa jekk dak li kien qiegħed jingħad rigward iċ-ċens jagħlaq li seta’ jispiċċa jekk kemm-il darba jitla’ l-labour fil-gvern.

“Il-Knisja kellha ħafna ċens. Kif għidt hekk Mintoff neħħa n-nuċċali u qalli da min qallek hekk? Għidtlu jien dejjem hemm fejn il-każin. Qalli le m’hemm xejn minn dan. Niftakar dik kienet għoġbithom id-delegati għax kien hemm ħafna kienu affettwati. Id-Deputat Mexxej kien l-avukat Flores u niftakar li kien qalilhom, l-aħwa mhux aħjar din l-item inħalluha għal wara l-elezzjoni”, kompla biex jgħidilna Ċikku. Qalilna li minn dik id-domanda Mintoff kien baqa’ jagħrfu u kien isibu bħala ż-Żebbuġi.

Tant kien ikun iffukat fuq il-ħsibijiet li jkollu x’ jispjega lin-nies li kienu jsegwuh li baqa’ sakemm wara l-elezzjoni rrefera għal dik l-istess domanda tiegħu qallu indirettament filwaqt li indirizza l-folla “jien hawn irridu ċ-ċens perpetwu fil-qlub tal-Maltin u Għawdxin”.

Mistoqsi dwar għalfejn jaħseb li Mintoff kien daqshekk influwenti, Ċikku kompla biex jgħidilna li lanqas jaf minn fejn jaqbad jibda għax qisek bla ma trid kont tissaħħar warajh. Hemm ħafna kwalitajiet imma hu qalilna li meta kien jarah jaf jispjega daqstant, id-diskors tiegħu kien meqjus u biex jgħid kelma kien idum ħafna. Kien jispjega ċertu affarijiet li n-nies ma kinux jifhmuh u qalb il-folla kien ikun hemm skiet perfett. Barra minn hekk kelma ma kienx jimgħoda u ma kienx se jiddejjaq jaffaċċja lill-Isqof Gonzi tant li fost l-oħrajn kien jirreferi għalih bħala l-Bojja, il-persuna li kienet takkumpanja lin-nies waqt il-kundanna tal-forka… “Kien qalilhom il-Bojja hawn qiegħed”.

Jiftakar nies jiddubitaw mill-benefiċċji …

Barra minn hekk l-anzjan qalilna li x’aktarx parti mis-suċċessi tiegħu huma grazzi wkoll għall-konsultazzjoni li kien ikollu ma’ Patri Dijonisju Mintoff li m’hemmx xi tgħid dwar l-edukazzjoni tagħhom.

Rigward Mintoff bħala l-pedament tal-benefiċċju soċjali, Ċikku qalilna li darba kien hemm raġel xiħ f’ħanut il-Mellieħa u beda jkellmu dwar il-ħsieb li tiġi introdotta l-pensjoni. “Qalli tajba din kieku qalli imma issa jien wasalt biex immut. Għidtlu mewt u xita Alla jaf meta u jekk Alla jisilfek l-għomor ma tiħux li għandek tieħu? Wara xi snin konna erġajna ltqajna u kien qalli avolja ħafna iżgħar parir tajjeb tajtni għax illum qed ingawdi.

Fakkar ukoll kif l-Isptar San Luqa kien hemm pazjenti li kien ikollhom iħallsu u li kellu jkun Mintoff li jqajjem il-punt li s-saħħa tiġi għal kulħadd l-istess.

Kien fl-aħjar tiegħu u l-praspar ma jonqsux…

Ċikku qalilna kemm iż-żgħażagħ dak iż-żmien kienu jisfidaw lil tal-Knisja. Qalilna li minħabba li missieru kien tal-Knisja minn dawk devoti kien jiddejjaq jinkwetah imma li kien wisq fuq tiegħu biex joqgħod lura minn ċertu affarijiet. Jiftakru sewwa jagħmlilhom il-Ħelsien fuq l-artal u saħansitra kien jispiċċa jinqala l-Arċipriet. Darba minnhom missieru mar inkwetat id-dar u qallu li ma riduhx iżjed il-Knisja u hu qallu ħalli f’idejja. Minflok serraħ rasu iktar inkwieta missieru għax ħaseb li se jmur jiġġieled imma minflok mar u qalilhom “isma jien daqshekk għandi x’naqsam ma dawk, spiċċa kollox hemm, u kienu belgħuha”, tenna jgħid.

Kompla biex jirrakkonta li kien hemm żmien fejn l-Isqof kien jibat pazjent mill-Isptar tat-Tuberkolożi barra u darba minnhom jiftakar li l-Isqof kien qal li m’hemmx fondi. Fakkar il-memorja ta’ ċertu wieħed il-Fusellu li kien jaħdem fil-bini tal-General Workers’ Union u kien pront staqsieh jekk setax isolvi s-sitwazzjoni billi forsi jbigħ is-salib tiegħu.

“Meta ġiet il-gwerra, il-vari li kien hemm Bormla ġabuhom hawn. Niftakar ġabu lil Sant Andrija u kien hawn wieħed ir-raħal kien jaf ipenġi. Kont mort fuqu għidtlu nagħmlulu biċċa tpinġija u konna pinġejnielu l-arma ta’ Hitler … kienet tmur imma għamilnhielu”.

Tagħlima li r-rispett l-ewwel u qabel kollox

Minkejja dan kollu, minkejja kull darba li kellu jaffaċċja lil tal-Knisja u dawk imqabbdin minnha, dejjem żamm f’moħħu lil missieru. Huwa temm jgħidilna li minkejja kull darba li kien jivvinta li jisfidahom ma tantx kien jiddejjaq, dejjem għamel minn kollox biex ma jweġġax lil missieru. “Mhux l-ewwel darba li tagħjtu xi kedda voldieri imma kont nipprova nmewwithom u meta kienu jistaqsuni jekk hux se nrabbi l-għaqal kont ngħidilhom li jien kont fuq xogħli u kont nagħmel anke part time”.

Ekonomija

Sport